Il-Prim Ministru Joseph Mucsat ħabbar li permezz ta’ żieda fil-finanzjament u eżerċizzju ta’ ppjanar aħjar, il-Gvern se jżid l-appartamenti għall-housing soċjali minn 1,200 għal 1,700 li tfisser żieda ta’ 42%.
F’konferenza tal-aħbarijiet ingħad li 1,000 appartament se jinbnew fi 22 sit fi 12-il lokalità u se jisru b’investiment ta’ madwar €6 miljun mill-fondi tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Dr Muscat assigura li ż-żieda ta’ 500 appartament qed issir b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet tal-ippjanar. Qal li m’hemmx wieħed minnhom se jinbena f’żona barra mill-iżvilupp u kull appartament se jinbena skont ir-rekwiżiti u l-ispazji permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dan mhux l-uniku proġett tal-Gvern f’dan il-qasam għax bħalissa qed jinbnew madwar 700 appartament ieħor f’16-il sit, fosthom f’Birkirkara u s-Siġġiewi.
“B’hekk il-Gvern se jkun qed jibni 1,700 appartament ġdid għall-akkomodazzjoni soċjali. Pjan daqshekk ambizzjuż ma niftakarx. Bil-bini tagħhom, se nżidu l-istokk b’31%. U bħalissa għandna aktar minn 5,000 appartament li qed jinkera bħala akkomodazzjoni soċjali,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Din iż-żieda fl-appartamenti soċjali mhux se thedded bl-ebda mod il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jniedi r-regolamenti l-ġodda dwar is-suq tal-kera biex fost oħrajn is-sid ikollu inċentiv biex iżomm il-prezz tal-kera stabbli, waqt li jiddaħħal reġistru b’kull kuntratt tal-kera f’Malta. Xi ħaġa li s’issa, qatt ma kienet mitluba mil-liġi.
“Illum huwa wieħed fejn m’għandna ebda bużżieqa fil-propjetà kellna overheating tas-settur u tal-prezzijiet. Dak huwa naturali li jwassal fejn il-prezzijiet jekk ma jonqsux, tikkalma l-aċċellerazzjoni tagħhom. Li nagħmlu jrid ikun ippjanat biex naslu f’sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-propjetà ma jogħlux bħalma għamlu f’dawn l-aħħar 24 xahar,” spjega l-Prim Ministru.
Through an increase in funding, optimisation of resources and better planning, we managed to increase the #social #housing units to be delivered. A 42% increase from 1,200 to 1,700 -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 6, 2019