Il-Parlament se jiddiskuti l-ġimgħa d-dieħla l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Kamra tannulla l-Avviż Legali li daħħal fis-seħħ ir-Regolamenti tal-2016 dwar Billbords u Reklami.
Il-mozzjoni tressqet f’April li għadda mid-deputati nazzjonalisti Jason Azzopardi u Ryan Callus, f’isem l-Oppożizzjoni.
Huma qed joġġezzjonaw għal dan l-avviż legali, li jemmnu li sar mingħajr konsultazzjoni pubblika.
Iżda għal darba, darbtejn il-Gvern ingħata raġun fuq it-tneħħija ta’ billboards illegali. Il-qorti ddeċidiet li l-billboards li jmorru kontra l-avviż legali, fosthom dawk tal-Partit Nazzjonalista, għandhom jitneħħew minnufih sabiex pajjiżna ma jintelix b’ billboards bl-addoċċ u mingħajr ebda regoli.