L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat fi stqarrija li l-billboards kollha mneħħija waqt azzjoni diretta nhar il-Ġimgħa filgħaxija ġew innotifikati b’avviż ta’ tneħħija xhur ilu, sabiex jagħtu biżżejjed żmien lis-sidien ta’ dawn l-istrutturi illegali biex ineħħuhom. Oħrajn ġew innotifikati b’avviż nhar il-Ġimgħa u se jitneħħew jekk is-sidien tal-istrutturi illegali ma jneħħuxhom f’ħin adegwat.
L-azzjoni tal-Awtorità li għadha għaddejja qiegħda ssir f’kollaborazzjoni ma’ Enemalta. Fil-fatt, instab li f’numru ta’ każijiet kien qed jinsteraq l-elettriku sabiex jinxtegħlu l-billboards.
Id-dikjarazzjoni maħruġa minn Occupy Justice illum li l-billboards bil-messaġġi tagħhom kienu legali u liċenzjati hija kompletament falza qalet l-Awtorità.
L-Awtorità tal-Ippjanar ttenni li kien hemm aktar billboards illegali mneħħija matul il-lejl li kienu ġew innotifikati b’avviż qabel il-messaġġi mqiegħda minn Occupy Justice.
L-Awtorità tal-Ippjanar se tkompli tieħu azzjoni dwar strutturi illegali biex tosserva l-liġijiet eżistenti li jirregolaw il-Billboards u r-Reklamar.