Adrian Portelli huwa biljunarju Awstraljan b’ġenituri minn Nadur Għawdex u li għad għandu diversi qraba jgħixu fi gżiritna. Fl-Awstralja magħruf bħala Mr Lambo hekk kif fl-2022 kien għamel entratura grandjuża waqt irkant b’Lamborghini safra.
Ismu sar sinonimu mal-lussu u l-innovazzjoni. Huwa jinvesti fi propjetà, iffissat fuq il-karozzi u guru tal-promozzjonijiet online u għalkemm ta’ oriġini umli sar isem rinomat kemm man-nies fid-djar kif ukoll fid-dinja tan-negozju. Iżda apparti minn dan, Portelli huwa magħruf għad-diversi attivitajiet filantropiċi li jorganizza b’riżq it-tfal fl-Awstralja li jbatu minn mard kroniku.
Portelli għadu kemm xtara il-propjetà kollha tal-aħħar staġun tas-serje ‘The Block’.
Ġie rrappurtat li l-Ħamis Adrian Portelli kien qed jaffaċċja disa’ akkużi fin-Nofsinhar tal-Awstralja li għen fit-tmexxija ta’ lotterija illegali.
Il-kumpanija tiegħu, Xclusive Tech Pty Ltd, li topera taħt l-isem LMCT+, qed tiffaċċja għaxar akkużi għat-tmexxija jew l-assistenza fit-tmexxija ta’ lotterija illegali.
Il-kumpanija tiegħu toffri abbonament għall-membri f‘rewards club fejn dawn jirċievu biljetti li bihom jistgħu jirbħu karozzi u propjetà. Dan il-mudell huwa magħruf bħala lotterija ta’ promozzjoni għan-negozju. Skont il-liġi tan-Nofsinhar tal-Awstralja, kwalunkwe lotterija ta’ promozzjoni għan-negozju bi premjijiet li jaqbżu l-$5000 għandha bżonn liċenzja biex topera u l-biljetti jridu jkunu b’xejn. Il-parteċipanti jkunu jridu qed jixtru servizz jew oġġett biex jipparteċipaw iżda ma jistgħux ikunu qed iħallsu aktar mill-prezz normali għalihom.
Kemm ir-regolaturi ta’ Victoria kif ukoll New South Wales investigaw lil LMCT+ u ma sabu l-ebda irregolarità.
Is-CBS, is-servizz tal-konsumatur u n-negozju, tan-Nofsinhar tal-Awstralja kienu wkoll investigaw u issa se jressqu lil Portelli u l-kumpanija tiegħu l-qorti. Skont id-dokumenti tal-qorti, r-reati twettqu bejn id-29 ta’ Jannar 2023 u s-16 ta’ Mejju 2024.
L-akkużi kontra Xclusive Tech jinkludu t-tmexxija/assistenza fit-tmexxija ta’ lotterija illegali permezz ta’ abbonament li pprovdew dħul f’lotterija. L-akkużi qed jgħidu li l-premju ewlieni f’din il-lotterija kienet propjetà f’Gisborne fl-istat ta’ Victoria hekk kif tidher fi-sensiela televiżiva The Block jew premju fi flus ta’ tliet miljun dollaru. Filwaqt li l-għoti tal-premju kien jinvolvi x-xorti, l-akkużat ma kellux liċenzja biex jopera lotterija fin-Nofsinhar tal-Awstralja.
Żewġ propjetajiet oħra mis-serje The Block, waħda b’valur ta’ madwar 2.9 miljun dollaru u l-oħra mhux valutata, kienu wkoll offruti bħala premjijiet b’rigali fi flus f’ammonti ta’ 2.5 miljun u żewġ miljuni rispettivament bħala alternattiva. Propjetà oħra fil-Gold Coast ivvalutata 1.3 miljun dollaru ukoll kienet wieħed mill-premjijiet maġġuri. Premjijiet oħra kienu jinkludu karozzi lussużi u anke premjijiet fi flus.
L-akkużi kontra Portelli huma li assista fl-organizzazzjoni ta’ lotteriji illegali. Kull akkuża ta’ organizzar jew assistenza fl-organizzazzjoni ta’ lotteriji illegali ġġorr penali massima ta’ $10,000.
Is-seduta hija skedata biex tinstema’ fil-qorti tal-maġistrati ta’ Adeliade fil-15 ta’ Jannar 2025.
Ftit sigħat wara li ħarġu dawn l-akkużi, Adrian Portelli li għandu 35 sena, organizza party fil-penthouse tiegħu f’Melbourne. Wara li ġie infurmat bl-akkużi mill-ewwel kiteb fuq l-Instagram tal-kumpanija LMCT+ “It’s OK SA we still love you”. Kompla billi qal li la l-kummissarju mhux se jippermetti li jirbħu premjijiet maġġuri allura kien iddeċieda li se jibda jqassam premjijiet fi flus ta’ elf dollaru kuljum.