Jum il-Ġimgħa l-Kbira huwa jum marbut ma’ sentiment ta’ ċertu dieqa, li kulħadd jesperjenzah f’sitwazzjonijiet differenti – bħat-taħbit tal-ħajja quddiem sitwazzjonijiet ta’ mard – speċjalment meta jkun hemm it-tfal involuti.
Fis-servizz niltaqgħu ma’ Antonella Cuschieri. Meta saret omm għaxar snin ilu kellha ttella’ l-ewwel wild tagħha ta’ ħames xhur l-Ingilterra għall-kura. Għaxar snin ta’ vjaġġi ma jaqtgħu xejn biex bintha tirkupra.
Sitt xhur ilu kellha tifel, li sfortunatament kellu destin kiefer bħal oħtu, hekk kif ta’ tliet xhur diġà ġie operat tliet darbiet.
Tylon Cuschieri għadu kemm għalaq sitt xhur, u diġà għadda minn tliet operazzjonijiet kbar f’għajnejh.
Bħal oħtu Zaylee ta’ għaxar snin, Tylon kellu l-katarretti, u ta’ tliet xhur kellu jitla l-Ingilterra għall-kura.
Tkellimna ma’ ommu Antonella, li bid-dmugħ f’għajnejha f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira spjegat li bħal donna esperjenza kerha waħda ma kinitx biżzejjed, għaliex wara tmien snin tiela’ u nieżla Londra b’bintha Zaylee, kellha terġa’ tgħaddi mill-istess martirju mat-tieled wild tagħha.
Antonella Cuschieri – Omm Tylon
“Il-ġurnata kienet l-Erbgħa morna l-Isptar bdew jeħdulu t-testijiet tal-għajn u xit-tlieta ta’ waranofsinhar ħarġu r-riżultati u bdejt nistaqsi t-tabiba x’għandu u qaltli ma nistax ngħidlek. Qbadthom isemmu l-kelma bubbles u waqqafthom u għidtilhom it-tifel għandu l-katarretti.”
It-tobba stennewh jagħlaq tliet xhur biex jevitawlu l-loppju tat-twelid. Fit-tnax ta’ Jannar għalaq tliet xhur, u disat ijiem wara operawh f’intervent li kellu jieħu sagħtejn iżda li dam xejn inqas minn seba’ sigħat.
Il-katarretti neħħewomlu, iżda minħabba kumplikazzjonijiet f’għajnejh kellhom joperawh għat-tieni u t-tielet darba.
Minkejja li din l-esperjenza diġà kienet għaddiet minnha qabel, Antontella tgħid li dan ma naqqas xejn mit-tbatija li għaddiet minnha fl-aħħar xhur.
Antonella Cuschieri – Omm Tylon
“Bdejt ngħid mhux biżżejjed b’waħda? Kellu jagħtini t-tieni wieħed? Imma m’hemmx x’tagħmel, il-ħajja qiegħda hemm għal kulħadd u trid tgħid bħal kulħadd.” Minbarra l-imrar li għadda minnu ċ-ċkejken Tylon, l-ikbar dispjaċir għal ommu kien li kellha tħalli liż-żewġ uliedha warajha.
Zaylee Cuschieri – Oħt Tylon
“Mal-lejl kont noħlom li jiġi u narah quddiemi kont inqum f’nofs ta’ lejl naħseb fih ġieli kont nibki u n-nanna kienet tgħidli għaliex qed tibki ngħidilha għax nimmissja lil ħija.”
Antonella rringrazzjat lill-qraba u l-ħbieb għall-għajnuna li tawhom f’dan il-mument xejn sabiħ f’ħajjithom. B’mod partikolari lil Puttinu Cares.
Antonella Cuschieri – Omm Tylon
“Fil-verita aħna lanqas presents tal-Milied ma xtrajnilhom it-tfal. Ridna nsiefru, ridna l-flus f’idejna imbagħad kien hemm Rennie u ħadhom it-ToyLand u qalilhom għażlu toy hu kemm hu. Li ma tajnihomx aħna sibna min jagħtihulhom.”
Bi kliem ta’ faraġ qalet li meta tkun qed tħossha li se tmiss il-qigħ, tiftakar li dak li l-professjonisti se jagħmlu fuq binha, se jagħmluh għall-ġid tiegħu, u għalxejn toqgħod tibki għax it-tfal ikollhom bżonn lill-ġenituri, il-ħin kollu.
Antonella Cuschieri – Omm Tylon
“Il-kuraġġ nofs il-fejqan. It-tfal għandhom bżonn lill-ġenituri. Vera li għandna l-mard imma l-Bambin jagħtihulek, ma tkunx taf minn fejn imma jiġi l-kuraġġ.”