Kien jgħin u jkellem lil kulħadd.
Hekk iddeskriva ma’ ONE News lil Mario Vella jew kif ħafna jafuh bħala l-Bieżel, Robert Tabone, Żebbuġi bħal Vella li kien ilu jafu ħafna u kienu kollegi fuq il-post tax-xogħol fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
It-Tlieta filgħodu, Mario Vella ta’ sebgħa u ħamsin sena tilef ħajtu traġikament waqt li kien qed jaħdem taħt il-mini ta’ Ħal Kirkop. Vella tilef ħajtu għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu meta kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ tindif f’din il-mina.
Għal xi raġuni waqt li kien fuq il-high-up, inaddaf is-saqaf, Vella spiċċa maqbud bejn is-saqaf tal-konkos tal-mina u l-istess high-up. Fuq il-post immedjetament mar tim mediku mill-Isptar Mater Dei iżda sfortunatament Vella tilef ħajtu fuq il-post.
B’dan il-każ ġiet infumata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-eks kollega ta’ Mario qal ma’ ONE News kif huwa l-vittma kien raġel komuni u sempliċi: “Bħala persuna se jgħinek, li tqabdu jgerger naqra imma jagħmilha, dak it-tip ta’ karattru. It-tip ta’ karattru Malti, uff hawn ix-xemx illum imma li ħa tgħidlu ħa jagħmel. Min dejjem hekk kien min meta konna żgħar.”
Tabone qal magħna kif kull filgħodu kont issib lil Mario l-ewwel wieħed fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li filgħaxija jintefa’ l-pjazza tar-raħal jgħid kelma fuq il-muturi li tant kien iħobb.
Huwa kompla jgħid: “Bniedem tal-pjazza ngħidulu aħna, kien ġuvni. Filgħaxijiet dejjem jiltaqa’ mal-ħbieb il-pjazza, qed tifhem u kien dħuli ma kulħadd. Ma kienx persuna, isma’ dak mhux ħa jkellmu u miġġieled miegħu.”
ONE News tkellem ukoll mas-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malcolm Paul Galea li qal magħna kif it-Tlieta filgħodu ż-Żebbuġin qamu b’xokk. Dan hekk kif din il-komunità kienet it-tieni familja tiegħu.
Huwa stqarr: “Ġewwa r-raħal kulħadd jafu. Mario kien ġuvni, allura l-komunità tal-pjazza u l-komunità tan-nies tar-raħal kienu l-familja tiegħu, kienu kważi t-tieni familja tiegħu, tista tgħid. Allura ġewwa Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ma’ kulħadd.”
Fuq il-midja soċjali, bosta persuni sellmu l-memorja tagħhom lill-Bieżel, fosthom l-eks sindku ta’ din il-lokalità Sarah Agius Saliba li rringrazzjatu tax-xogħol li għamel fil-komunità Żebbuġija.
Intant, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ qal magħna kif l-aħħar xogħol tiegħu mal-kunsill kien illi ħawwel siġra f’ġnien f’din il-lokalità fejn bħala kunsill se jkun qed ippoġġi ismu sabiex b’hekk il-memorja tiegħu tibqa’ f’dan ir-raħal li tant kien jaħdem għalih.
Dr. Galea qal: “L-aħħar biċċa xogħol li għamel ġewwa l-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ kien li ħawwel siġra, ħawwel siġra tal-Jacaranda ġewwa l-Bandli tal-Grazzja kif ngħidulu aħna u fil-fatt li ssuġġerejtilhom u jidher li se jkollna qbil, nagħmluha għall-memorja tiegħu s-siġra ħalli minkejja li ma baqax magħna, se jibqa’ magħna fl-ispirtu, is-siġra tibqa’ tgħix hemmhekk għalih.”