Il-Biennale ta’ Malta jagħmel lilu nnifsu differenti mill-bqija, għax għandu karattru għalih.
Hekk sostna l-President tal-Maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, hekk kif bħalissa għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet għall-ewwel edizzjoni tal-Maltabiennale.art 2024, li se jsir bejn Marzu u Mejju.
B’kollox daħlu aktar minn elfejn u ħames mitt proposta ta’ arti kontemporanja minn artisti, uħud minnhom ta’ kalibru għoli b’isem internazzjonali fix-xena tal-arti, u ġejjin minn ħamsa u sebgħin pajjiż.
Il-President tal-Maltabiennale.art spjega li bħalissa, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA, qed jittrasforma ruħu fil-padiljun nazzjonali ta’ Malta biex jilqa’ x-xogħlijiet ta’ dawn l-artisti.
Iżda mhux biss, hekk kif l-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art se tara t-trasformazzjoni ta’ wħud mis-siti storiċi l-aktar maħbubin fil-ġżejjer Maltin, li se jinbidlu f’palk għall-ħolqien ta’ espressjonijiet artistiċi.
“Mhux hawnhekk biss qiegħda l-attività. L-attività qiegħda f’għoxrin sit oħra li għandna mxerrda madwar Malta u Għawdex. Għandna għexieren ta’ artisti li diġà bdew bl-arti tagħhom. Kemm jekk trid tmur fil-palazz, kemm jekk trid tmur fil-Main Guard, kemm jekk trid tmur Għawdex.”
Żied li l-patrunaġġ tal-President ta’ Malta u anki tal-UNESCO lill-maltabiennale.art, kompla jagħtihom sodisfazzjon u jagħmlilhom kuraġġ għal din l-ewwel edizzjoni.
“Għalkemm se jiftaħ fi ftit żmien ieħor, prattikament diġà beda. Beda mhux minħabba t-tħejjija, beda għax diġà kellna workshops, artisti barranin u anke Maltin li taw workshops mat-tfal. Interessanti wkoll li anke l-UNESCO, ma ninsewx li hija waħda li tat il-patronċinju lill-Biennale, imma l-UNESCO ġew Malta hekk kif hawn l-artisti jagħmlu seminar magħhom biex jirispettaw is-siti storiċi.”