“Jason Azzopardi ta’ ħafna lil dan il-pajjiż u lil dan il-Partit. Jekk irid jibqa’ jagħti kontribut, il-bieb tal-Partit Nazzjonalista għalih se jibqa’ miftuħ.”
Kien b’din id-dikjarazzjoni li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech wieġeb għal mistoqsija tat-Times dwar Jason Azzopardi.
Dan wara li l-perċimes ewlieni tal-establishment u wieħed mill-imħuħ li poġġa lil Bernard Grech fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista minflok Adrian Delia, ma ġiex elett fil-Parlament Malti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Iżda minkejja s-suppost tiġdid fil-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech mat-Times ħalla l-bieb miftuħ għal Jason Azzopardi biex jibqa’ jinvolvi ruħu fil-Partit Nazzjonalista.
Mhux talli hekk, talli Bernard Grech aċċenna għall-ħidma Parlamentari ta’ Jason Azzopardi qabel l-elezzjoni ġenerali u qal li se jerġa’ jkun qed jimbotta ’l quddiem ix-xogħol tiegħu partikolarment f’dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ liġijiet li ma għaddewx mill-Parlament diġà wara li l-Gvern qed jistenna rakkomandazzjonijiet minn kumitat ta’ esperti dwar is-settur tal-midja.
Kumitat li huwa fil-fatt immexxi mill-Imħallef Michael Mallia, l-istess Imħallef li mexxa l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda mat-Times Bernard Grech sostna, “Għal darb’oħra rridu nimbuttaw biex dawn l-abbozzi jiġu implimentati.”
B’din id-dikjarazzjoni Bernard Grech kkonferma kemm għadu joqgħod fuq li jgħidulu nies bħal Jason Azzopardi u l-bqija tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Intant hekk kif kien mistoqsi dwar l-aħħar riżultat elettorali tal-Partit Nazzjonalista fejn fiha tilef bl-aħbar distakk mill-Indipendenza lil hawn, Bernard Grech għażel li jfarfar ir-responsabbiltà.
Huwa għamel dan billi waħħal fil-ġlied intern kbir li ddomina fil-Partit Nazzjonalista fi żmien l-eks Kap Adrian Delia.
Bernard Grech qal hekk.
“Mingħajr dubju, jekk il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ħames snin kien iffukat biss fuq li jkompli jittejjeb, kieku l-probabbiltà li d-distakk kien jonqos kien ikun ikbar.”
F’aktar botti lejn l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, Bernard Grech tenna li fi żmien Delia, l-Partit Nazzjonalista kien naqqas sew fis-surveys minħabba l-problemi interni kbar li ħarġu fil-beraħ.