Il-General Workers’ Union qed tfakkar il-75 sena mit-twaqqif tagħha.
F’kungress li ġie organizzat għal dan l-anniversarju, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar il-ħidma tal-General Workers Union u l-kisbiet li għamlet tul dawn l-aħħar snin għall-interess tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru iddeskriva lill-unions bħala l-essenza tad-djalogu soċjali. Saħaq li għandna ninkoraġġixxu aktar ħaddiema jidħlu membri tat-trejdunions, u naraw li jitneħħa l-ostaklu ta’ ħaddiema li jiġu mbeżża’ milli jissieħbu f’Unions.
Ġimagħtejn ‘il bogħod mill-baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jħabbar iktar miżuri biex ikun miġġieled il-faqar, biex f’Malta, l-ebda familja fejn hemm tfal żgħar ma tkun fil-faqar.
Innota kif dawk imċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi naqsu minn 20,000 fl-2012 għal 8,000 persuna matul is-sena li għaddiet.
Qal ukoll li l-paga minima se terġa’ tiżdied b’mod regolari, u l-pensjonanti se jerġgħu jibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni.
Dwar is-suq tal-kera, Muscat qal li dan huwa sifda fih innifsu minkejja li tmenin fil-mija tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom. Madankollu stqarr li l-Gvern anki bir-riforma fil-liġi tal-kera, se jkun qiegħed jipproteġi lil min jikri u lil min m’għandux fejn jgħix.
Il-Kungress kien indirizzat ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qal li l-ħaddiema irid ikollhom aktar ħin liberu mal-familja tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li jaqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni, u għalhekk, il-Partit Laburista fil-Gvern reġa’ beda jagħti l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa lill-ħaddiema.
Dwar il-qasam tax-xogħol, Il-Prim Ministru qal li seba’ snin ilu, l-isfida kienet li kellna nies iridu jaħdmu, iżda ma jsibux impjieg.
Qal li issa il-folja nqalbet u ninsabu f’sitwazzjoni fejn m’hawnx biżżejjed ħaddiema għax-xogħol li hawn f’pajjiżna, u din hija problema ta’ ġid.
Dan kollu juri li l-pjan tal-Gvern qed jirnexxi, hekk kif in-numri ta’ nies jaħdmu f’Malta huma ogħla mill-medja Ewropea. Għalhekk, Malta hija l-aqwa fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru Muscat qal li fl-ekonomija, l-unika soluzzjoni hi li wieħed ma jibżax mill-isfidi u li jkun ippreparat.
Irrefera wkoll għall-isfida tal-ħaddiema barranin, sfida pożittiva, skont il-Prim Ministru, li qal li l-ħaddiema jridu jkunu lkoll magħqudin.
Il-Prim Ministru Muscat qal li t-triq ‘il quddiem hija dik tal-immaniġġjar, l-integrazzjoni, u li naħdmu kollha flimkien.
Qal ukoll li pajjiżna jrid isir ċentru kożmopolitan fid-dinja fejn jitħaddan il-valur tal-integrazzjoni u fejn ħadd ma jħossu mhedded minħabba nuqqas ta’ sigurtà.