Dalgħodu ġiet iċċelebrata quddies fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan, li mmarkat il-bidu tat-tmexxija ta’ Papa Ljun XIV, li fit-8 ta’ Mejju ntagħżel mill-Kardinali sabiex imexxi l-Knisja Kattolika Universali u l-Istat tal-Vatikan fil-proċess tal-Konklavi li dam biss jumejn.
Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’purċissjoni minn ġewwa l-Bażilika tal-Vatikan, minn ħdejn il-qabar ta’ San Pietru, l-ewwel Papa.
Qabel bdiet il-quddiesa, Papa Ljun għamel talba biex wara, bierek lil dawk kollha preżenti. Imbagħad, wara mument ieħor ta’ talb, tkantat il-Glorja u nqraw diversi siltiet mill-Bibbja.
Bħala parti mir-ritwali reliġjużi, fl-ewwel quddies tagħhom l-papiet jingħataw iċ-Ċurkett tas-Sajjied li jkun jinkludi l-emblema uffiċjali li Papa jkun għażel. Din normalment tkun simbolu tal-valuri li dak il-papa jħaddan filwaqt li jservi oġġett awtentiku li jidentifika kull papa. Dan iċ-ċurkett tlibbes lill-Papa mill-Kardinal Louise Antonio Tagle. Wara, tlibbes ukoll il-palju papabbli.

Fatt interessanti dwar dan il-palju hu li tradizzjonalment ikun maqful bi tlett labar f’forma ta’ msiemer li jissimbolizzaw l-imsiemer li Ġesu kien imsallab bihom.

Fl-ewwel omelija tiegħu, Papa Ljun beda billi wera gratitudni lejn dawk li kienu preżenti sabiex miegħu jiċċelebraw il-bidu tal-ħidma li ġiet fdata lilu. Fetaħ diskorsu permezz ta’ kwotazzjoni mit-talba ta’ Santu Wistin li tgħid “Int għamiltna għalik u Alla, u qalbna ma’ ssib qatt kwiet jekk ma tistriħx fik.”
Hu qal kif wara l-mewt ta’ Papa Franġisku li ġabet ħafna dwejjaq, il-fidili ħassewhom bħal nagħaġ bla ragħaj. Madankollu, fl-Għid, irċevew il-barka finali tiegħu, u ħassew il-faraġ tal-qawmien ta’ Kristu, bil-fidi li l-Mulej qatt ma jabbanduna lill-poplu tiegħu.
Il-Papa tenna li l-missjoni ta’ San Pietru kienet waħda ta’ mħabba u għaqda, kif jidher fl-Evanġelju tal-ġurnata. Huwa fakkar li l-Knisja għandha tkun mibnija fuq l-imħabba, fejn il-Papa jservi lill-oħrajn u mhux isaltan fuqhom.
““In questo nostro tempo, vediamo ancora troppa discordia, troppe ferite causate dall’odio, dalla violenza, dai pregiudizi, dalla paura del diverso, da un paradigma economico che sfrutta le risorse della Terra ed emargina i più poveri. E noi vogliamo essere, dentro questa pasta, un piccolo lievito di unità, di comunione, di fraternità. Noi vogliamo dire al mondo, con umiltà e con gioia: guardate a Cristo! Avvicinatevi a Lui! Accogliete la sua Parola che illumina e consola! Ascoltate la sua proposta di amore per diventare la sua unica famiglia: nell’unico Cristo siamo uno.”
Papa Ljun XIV
Wara dan, Papa Ljun mexxa aktar talb li wasslu għat-tqarbin tal-fidili. Papa Ljun f’dan il-mument innota kif il-preżenza ta’ Papa Franġisku kienet qeda tinħass magħhom tul iċ-ċelebrazzjoni kollha.
Wara li ntemmet il-quddies, lura fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-Papa Ljun XIV ltaqa ma’ għadd ta’ dinjitarji minn madwar id-dinja fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, martu Lydia u binthom Georgia Mae.
Il-Prim Ministru anke stieden lill-Papa sabiex jagħmel żjara f’pajjiżna.
Ta’ min wieħed jinnota kif apparti l-għola awtoritajiet tad-dinja il-pjazza tal-Vatikan kienet maħnuq bin-nies li kienu wkoll preżenti għall-quddies li mmarkat il-bidu tal-Pontifikal ta’ Papa Ljun XIV.
Sadanittant, wara l-quddies, il-Papa kellu laqgħa privata mal-President Ukren, Volodymir Zelensky.