Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li japprezza l-argumenti miġjuba mis-sitt għaqdiet tal-Malti dwar l-emendi proposti lill-Att dwar l-Ilsien Malti. Fl-istess waqt iżda, il-Ministeru jixtieq jagħmilha ċara mill-ġdid li l-emendi lill-Att dwar l-Ilsien Malti se jsiru bil-għan li jissaħħaħ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u bl-ebda mod biex idgħajfuh b’nies mhumiex ikkwalifikati.
Il-Kunsill se jissaħħaħ, fost oħrajn, billi bis-saħħa tal-emendi se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu firxa usa ta’ nies ikkwalifikati u kompetenti minn entitajiet u għaqdiet li wkoll qegħdin jagħtu sehemhom fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ilsien Malti, jiġifieri, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjonijiet, Terminoloġija u Interpretazzjoni fl-Università ta’ Malta, l-Awtorità tax-Xandir, il-pubblikaturi Maltin u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. F’kull entità u għaqda rrappreżentata fil-Kunsill hemm persuni kompetenti u kkwalifikati li jistgħu jagħtu kontribut fix-xogħol tal-istess Kunsill u dawn se jinħatru mill-entitajiet infushom, bla ebda ndħil minn xi ministeru.
Fir-rigward tal-kumitati tekniċi, l-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università se jibqgħu jkunu jistgħu jipproponu persuni biex iservu ta’ kapijiet tal-kumitati tekniċi. Biss, bis-saħħa tal-emendi, il-membri l-oħra tal-Kunsill issa se jkunu jistgħu jipproponu persuni studjużi u speċjalizzati għall-istess kariga; bl-għażla aħħarija tibqa’ dejjem f’idejn il-Kunsill.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi, l-aħħar deċiżjoni fl-Att qiegħda li ‘‘għandha tkun soġġetta għad-deċiżjoni tal-Kunsill’’ u li ‘‘l-Kunsill għandu l-jedd ma jaċċettax il-parir tal-kummissjoni teknika’’ (Artiklu 6 (1)) u għalhekk, fl-ispirtu mhu se jinbidel xejn bl-emendi li se jsiru lill-Att dwar l-Ilsien Malti.
Il-Minsiteru fakkar li l-emendi proposti saru wara proċess twil ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ kull min xtaq jagħti l-fehmiet tiegħu u tfasslu minn kumitat konsultattiv magħmul minn akkademiċi stabbiliti u magħrufa, fosthom il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.