“Inħossni turist f’pajjiżi”. Hekk iddeskriva lilu nnifsu u l-btala ta’ tliet ġimgħat tiegħu f’Malta, Anthony Spiteri. Malti mwieled Ħal Kirkop li ilu jgħix l-Awstralja għal dawn l-aħħar tnax –il sena.
Iltqajna miegħu fid-dar tal-ġenituri tiegħu, meta qalilna kemm jinsab mistagħġeb bil-bidlet pożittivi li ra f’pajjiżna.
L-aktar li impressjonawh, kienu l-Birgu u l-Belt Valletta.
Impressjonawh ukoll il-faċilitajiet li wieħed isib f’dawn il-lokalitajiet: bħal-lift tal-Barrakka ta’ Fuq u d-dgħajsa li biha taqsam mill-Belt lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Innota wkoll ir-restorants mifruxa madwar Malta u Għawdex, u l-ikel bnin li dawn joffru bis-servizz rikk tagħhom.
Anthony qalilna li kien ilu snin jisma’ tgergir fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, meta kienet għadha l-Arriva.
Għaldaqstant iddeċieda li jikri karozza, madanakollu l-ewwel ġurnata uża tal-linja. Tela’ darba u biddel il-ħsieb.
Innota wkoll li żdiedet l-aċċessibilità. Irrefera għar-rotot diretti mill-Ajruport, li jeħduk iċ-Ċirkewwa, Buġibba, San Ġiljan u Birżebbuġa, fost l-oħrajn. Iddeskriva l-bidla fit-trasport pubbliku bħala kambjament enormi għal pajjiż żgħir bħal tagħna, u hawnhekk irrimarka s-servizz eċċellenti tal-hop-on hop-off bus.
Filwaqt li stqarr li ħassu turist f’pajjiżu, jgħid li jerġa’ jiġi żgur għaliex sabiħa kemm hi sabiħa l-Awstralja, bħal Malta mhu se jsib qatt.