Mara, li tintemmilha t-tqala għax tiffaċċja kumplikazzjonijiet mediċi li saħansitra jistgħu jpoġġulha ħajjitha f’periklu, m’għadhiex tiffaċċa t-theddida ta’ kodiċi kriminali antikwat li saħansitra jheddida bil-ħabs. L-istess il-professjonist li jieħu ħsiebha.
Dan hekk kif l-emendi, li ressaq il-Gvern u għaddew mill-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda, issa saru liġi bil-firma tal-President tar-Repubblika, George Vella.
L-emendi tressqu mill-gvern tard is-sena li għaddiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela jiddikjara li, filwaqt li l-Gvern ma kienx qed idaħħal l-abort, ma setax jinjora parir tal-Avukat tal-Istat. Parir li kien jgħid li saħansitra anke jekk intervent isir biex tkun salvata ħajja ta’ mara ikun hemm theddida ta’ priġunerija.
Il-Prim Ministru kien ċar li din il-liġi trid tinbidel. U issa nbidlet.
Meta l-Gvern ressaq dawn il-bidliet kienu diversi dawk li qalu ma kienx hemm ħtieġa ta’ bidla. Fuq quddiemnett l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Ix-xhur li għaddew servew biex il-Gvern mexxa djalogu kontinwu li kkonvinċa dwar il-ħtieġa ta’ din il-bidla.
Fl-istess ħin għamel emendi għall-abbozz ta’ liġi li serrħu ras kulħadd li, filwaqt li l-bidla ssir, ma jkunx hemm abbuż mill-iskop oriġinali.
Fuq ONE Radio, din il-bidla kienet deskritta bħala waħda storika mill-Prim Ministru.
Qal, “Nemmen li llum il-pajjiż jifhem x’kienet l-internzjoni tal-Gvern mill-ewwel ġurnata u li ħarisna l-prinċipji, ma kien hemm ebda kompromess mal-prinċipju tal-ħarsien tal-mara li tlaqna minnu. Dak il-prinċipju kien sagrosant mill-ewwel ġurnata u baqa’ sagrosant sal-lum.”
Bil-liġi kif approvata, f’każ li jkun hemm riskju mmedjat għal ħajjet il-mara allura l-professjonist mediku jrid jintervjeni immedjatament.
F’każ li r-riskju ma jkunx immedjat, iżda jkun hemm riskju għal ħajjet il-mara li jista’ jwassal saħansitra għall-mewt, hemm il-professjonist mediku jikkonsulta ma’ żewġ professjonisti oħrajn u jwettaq l-intervent.
Il-Gvern għamilha ċara fl-istadji kollha li l-kura trid tingħata b’mod immedjat u mara m’għandhiex titħalla tasal f’periklu.
Dan intqal ukoll fil-Parlament, li għandu wkoll relevanza fl-interpretazzjoni tal-liġijiet, fost oħrajn mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Qal, “L-għan hu li tkun salvata l-ħajja u protetta s-saħħa, kemm ħafna nies inkluż fuq din il-mejda qalulna l-kelma s-saħħa neħħuha, protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qed tbati minn kumplikazzjoni medika, li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju immedjat jew, allura tkun tista’ tqegħdilha, saħħitha f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt. M’aħniex qed ngħidu fl-ebda punt li trid tkun f’xifer il-mewt biex tabib jaġixxi.”
Din il-bidla tingħaqad ma’ għadd kbir ta’ riformi oħrajn li ġab il-Partit Laburista mill-Gvern biex iżid id-drittijiet u l-ħarsien taċ-ċittadini.