“Ħadna passi imma hemm bżonn nieħdu aktar.”
Dan kien il-messaġġ li għamel il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-istazzjonijiet ONE mill-ġurnalista Trischia Falzon.
Fil-fatt, waqt din l-intervista Dr Abela ħabbar il-prinċipji li se jkunu qegħdin jiggwidaw it-tisħiħ fir-regolamentazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.
Din ir-regolamentazzjoni se tkun qed tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin bid-dettalji se jingħataw mill-Ministru responsabbli mill-ippjanar u x-xogħlijiet pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Waqt l-intervista l-Prim Ministru nnota kif dan il-proċess ta’ tisħiħ f’dan is-settur beda mit-twaqqif tal-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li maż-żmien qed ikomplu jiżdiedulha r-riżorsi li għandha.
Intant, huwa spjega kif din ir-regolamentazzjoni se tkun qed tgħolli l-livell tas-settur billi l-kuntratturi li jkunu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni ikunu liċenzjati wara li jgħaddu minn proċess rigoruż biex tinħareġ tali liċenzja.
B’hekk se jkun qed jiġi żgurat li r-responsabbiltà li jġorru dawn il-kuntratturi, tinġarr biss minn min għandu l-mezzi meħtieġa.
“Kull min ma jissodisfax il-kriterji tal-liċenzja u allura ma tinħariġlux liċenzja, ma jistax jopera. It-tieni prinċipju, min ma jaħdimx skont it-termini tal-liċenzja għandu l-multi jistennewh, u għandu wkoll is-sospensjoni tal-liċenzja. Iġifieri li s-sospensjoni tal-liċenzja tfisser illi ma jkunx jista’ jopera u jista’ jkollok ukoll konsegwenza ta’ revoka tal-liċenzja, jiġifieri mhux biss li l-liċenzja tiġi sospiża għal żmien iżda saħansitra wkoll illi l-liċenzja tista’ tittieħed.”
Madanakollu, l-Gvern mhuwiex se jkun qiegħed jaġixxi waħdu għaliex kif stqarr il-Prim Ministru, se titnieda konsultazzjoni pubblika biex ittejjeb dak li se jppubblika l-Gvern fiż-żmien li ġej.
“It-tielet parti importanti ta’ din ir-riforma se jkun il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Iġifieri l-qafas ta’ regolamenti li se nkunu qegħdin inniedu se jidħlu fi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fejn se nkunu qegħdin noħorġu dawn ir-regolamenti għad-diskussjoni mal-pubbliku u nemmen li hija importanti ferm dik. Mhux se tkun konsultazzjoni li ma tispiċċa qatt għaliex fir-regolamenti fihom infushom hemm id-dati li fihom dan il-qafas ta’ liċenzjar se jkun qiegħed jidħol fis-seħħ.”
Waqt l-istess intervista, l-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar it-triq ‘il quddiem b’rabta mad-deċiżjoni mill-Qorti dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Bl-istess mod hawnhekk Dr Abela kien ċar billi spejga kif il-Gvern se jkun sod iżda fattwali fil-atteġġjament tiegħu.
Huwa nnota kif Steward Healthcare offriet numru ta’ servizzi mediċi kemm fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bħal f’operazzjonijiet u provvista ta’ ħaddiema u ikel fost l-oħrajn.
Madanakollu, Dr Abela għamel enfasi fuq dak li se jagħmel il-Gvern b’rabta ma’ servizzi li ma ġewx onorati permezz tal-konċessjoni.
“Fejn il-Gvern ħallas flejjes u Steward m’onoratx l-obbligi li kellha twettaq b’dawk il-flejjes, allura l-Gvern se jkun qiegħed b’saħħtu ħafna hemmhekk illi jitlob li Steward tirrifondi lura dak il-flejjes kollha rċeviet u li inkontrokambju ma tagħtx is-servizz illi kienet obbligata illi twettaq.”
Il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar jiem, żamm numru ta’ laqgħat ma’ membri ta’ unions fis-settur biex jisma’ mingħandhom u jiddiskuti.
Dr Abela sostna wkoll kif il-prijorità tiegħu u tal-Gvern dwar dan is-suġġett se tkun waħda, dik li jkun trasparenti mal-poplu f’kull deċiżjoni li jieħu.
“Kull deċiżjoni li se teħodna minn issa ‘l quddiem, se nkun qed nieħodha fuq il-prinċipju ta’ trasparenza mingħajr assolutament ebda ħabi. Dan ngħidu għaliex huwa prinċipju konsistenti illi fuqu mxejna f’dawn l-aħħar tliet snin kull meta kellna kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi.”
Minkejja dan il-Prim Minstru nnota t-titjib fis-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna fl-aħħar snin taħt dan il-Gvern biex illum pajjiżna rikonoxxut għas-sistema tas-saħħa tiegħu.