Il-bidla fil-klima u s-sigurtà huma l-isfidi li qed tesperjenza l-Unjoni Ewropea bħalissa.
Qal dan il-President Franċiż Emmanuel Macron, waqt li appella biex l-Unjoni Ewropea tingħaqad.
Dan hekk kif bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, Franza għandha f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Hu jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Macron qal kif il-bidla fil-klima hija l-akbar sfida li qed taffaċċja, fejn faħħar il-mod kif hija kkommetiet ruħha li tkun newtrali mill-karbonju sal-elfejn u ħamsin.
Qal, “In-newtralità tal-karbonju sal-2050 ġibna l-iktar għanijiet ambizzjużi tal-pjaneta. Imma mill-kliem issa rridu ngħaddu għal fatti.”
Hawnhekk semma kif fost dawn hemm il-bidla lejn l-idroġenu u li jinbidel l-operat ta’ diversi industriji.
Emmanuel Macron qal kif sfida oħra li għandha l-Unjoni Ewropea bħalissa hija l-qalba diġitali.
Dan hekk kif għandhom ikunu rrispettati l-privatezza taċ-ċittadini u l-ġlieda kontra l-kliem ta’ mibegħda.
Il-President Franċiż qal sabiex il-protezzjoni tal-ambjent u l-abort jitpoġġew fil-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk Macron qal li dan għandu jsir permezz tad-djalogu.
Spjega, “Ejja niftħu dan id-dibattitu b’mod liberu maċ-ċittadini tagħna, b’kuxjenza Ewropea biex nagħtu verament nifs ġdid għal dawn il-valuri tagħna bażiċi.”
Hawnhekk semma s-solidarjetà, fejn qal li ġew salvati l-ħajjiet tan-nies, hekk kif l-Unjoni Ewropea tat it-tilqim lill-pajjiżi foqra, waqt li żammet l-ekonomija għaddejja.
Qal kif taħt il-Presidenza Franċiża, din is-solidarjetà għandha tkompli.
F’dan id-diskors, Emmanuel Macron qal kif sfida oħra tal-Unjoni Ewropea hija s-sigurtà, fejn l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ taħdem lil hinn mit-tensjonijiet madwar id-dinja.