Il-biċċerija pubblika hija l-ewwel entità f’Malta li bdiet timmoniterja, b’mod sistematiku, il-konsum tal-elettriku u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-hekk imsejjaħ Greenhouse Gas Protocol (GHG Protocol).
Waqt żjara fil-Biċċerija Pubblika, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, iddeskriva dan il-pass bħala azzjoni konkreta ta’ kif il-gvern qed jaħdem biex iżid l-effiċjenza u fl-istess ħin inaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tiegħu.
Il-GHG Protocol jipprovdi standards, linji gwida u għodda intiżi biex jgħinu lil gvernijiet u negozji jkejlu l-konsum tagħhom tal-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet li qed jikkawżaw it-tibdil fil-klima. Din is-sistema taqsam l-emissjonijiet fi tlieta: dawk diretti, bħall-emissjonijiet minn użu ta’ fjuwil; dawk indiretti, bħall-emissjonijiet mill-konsum tal-elettriku; u dawk addizzjonali, bħall-emissjonijiet minn trasport ta’ prodotti u vjaġġar.
Uffiċjali tal-kumpanija ClearVUE, li qed jassistu lill-Biċċerija Pubblika f’dan il-monitoraġġ, spjegaw lill-Ministru Refalo kif taħdem is-sistema, u kif qed jiġu identifikati oqsma, proċessi u investimenti oħra li jistgħu jgħinu lil dan l-impjant jnaqqas l-impatt ambjentali tiegħu u fl-istess ħin jikseb riżultati aħjar.