Il-biċċerija li ta’ kull ġimgħa tara l-qtil ta’ eluf ta’ annimali u l-preparazzjoni tal-laħam qabel jasal fuq il-mejda tal-ikel, ukoll kellha tieħu bosta miżuri sabiex tkun ċerta li l-ebda laħam ma jkun ikkontaminat bil-virus.
One News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-biċċerija, Manuel Schembri li spjega kif bosta miżuri ġodda introdotti, qed iwasslu sabiex ikun eliminat il-kuntatt tal-ħaddiema tal-biċċerija li jippreparaw il-laħam, mal-ħaddiema tat-trakkijiet li jiġu biex iwasslu l-laħam għand il-konsumatur.
Is-Sur Schembri stqarr: “Għalaqna partijiet bil-‘partitions’, il-ħaddiema tagħna tal-biċċerija joħorġu minn qabel il-laħam imdendel fuq ‘mono rail’ wara l-bieb tal-loading bay. ‘Once’ li jkun hemm il-laħam ‘by appointment’ hemmhekk, ‘by appointment’ jiġi għalih id-distributur, kemm jiftaħ il-bieb, isib il-laħam hemmhekk u jgħabbih.”
Schembri spjega kif bosta miżuri li fuq postijiet tax-xogħol oħra kellhom jiġu introdotti mat-tifqigħa tal-Coronavirus, fil-biċċerija kienu diġà parti mill-prassi tal-ġurnata.
Huwa sostna: “Hija regola ġenerali li apparti mill-ħasil u t-tindif ta’ kuljum, tajjeb? Il-biċċerija tiġi ddisinfettata, tant hu hekk jiġifieri, li nieħdu swabs kuljum biex naċċertaw jiġifieri li qed ix-xogħol qed isir jiġifieri kif suppost. U nirċievu r-riżultati mil-labs jiġifieri regolari. Apparti li sanitizers tal-idejn huma normali għalina.”
Din is-sena r-ristoranti, li minħabba l-imxija jinsabu magħluqin mhux ser ikunu jistgħu iservu xi platt laħam tal-ħaruf imħawwar għall-ikla tal-Għid. Madankollu, Manuel Schembri stqarr li d-domanda tal-konsumatur għal xi biċċa laħam tajba ma naqsitx xorta waħda.
Is-Sur Schembri kompla jispjega: “Jekk bniedem jiġifieri ħa l-laħam, minflok ma sajru tar-restaurant biex ngħid hekk għax ma marx ir-restaurant sewwa? Qed jissajjar id-dar.”