Kulma jmur il-problema tat-tixrid tal-mibegħda fuq l-internet qiegħda tolqot aktar nies. Fl-aħħar jiem, is-siti soċjali bħal Facebook reġgħu kienu taħt lenti qawwija wara li dehru għexierent ta’ kummenti offensivi fil-konfront ta’ immigranti li sabu kenn f’Malta.
Dan wara l-irvell li nqala’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha inawgura dipartiment ġdid fid-daħla tal-Belt li minnu se tingħata għajnuna lil nies li jisfaw vittmi ta’ mibegħda, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li f’pajjiżna, il-biċċa l-kbira tal-vittmi huma Maltin u mhux barranin kif hawn min jaħseb.
Spjega li d-dipartiment għandu l-għan li jeduka u jfiehem in-nies x’inhuwa diskors ta’ mibegħda li jista’ jkun xprunat minn motivazzjonijiet razzjali, politiċi u reliġjużi.
“M’aħniex se noqogħdu niflu kull kumment li jinkiteb fost l-oħrajn fuq il-midja soċjali, dak hemm il-pulizija li tagħmel dan ix-xogħol”, saħaq il-Ministru Farrugia waqt nnota l-isfida li jħabbtu wiċċhom magħha l-awtoritajiet biex jieħu azzjoni biex tieqaf il-mibegħda fuq l-internet.
Qal li d-dipartiment għandu l-għan ukoll li joffri servizzi terapewtiċi lil min jispiċċa fil-mira ta’ diskors ta’ mibegħda.
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr: “U l-vittma rridu ntuh prijorità għax ħafna drabi l-effetti psikoloġiċi, ħsara kbira illi ssir lill-vittma, ħafna drabi tiġi injorata u ma nagħtux kas tagħha u allura se nkunu qegħdin niffukaw ħafna fuq it-trattament tal-vittma.”
F’dan il-kuntest, Joseph Borg li huwa l-Kap ta’ dan id-Dipartiment li twaqqaf b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ entitajiet fosthom il-Korp tal-Pulizija spjega kif se jkun hemm mas-16-il ħaddiem fosthom psikologi, ħaddiema soċjali u avukat.
Borg sostna li “L-avukat se jkun hemm f’każ illi r-rapport jasal sal-Qorti, jkun jista’ jassisti lill-vittma bħala parte civile u għalhekk il-vittma ma jkollhiex għalfejn tidħol fi spejjeż hi biex tħallas għall-avukat.”
Il-Ministru Michael Farrugia kkundanna kull diskors ta’ mibegħda u saħaq li l-aktar mezz b’saħħtu kontra din l-imġiba hija l-edukazzjoni.