Kienet ħarġa mhux tas-soltu għal anzjani li jgħixu f’San Vincenz de Paule jew li jattendu day centres jew istituzzjonijiet oħrajn li wieġbu għal stedina li saritilhom biex jattendu t-Teatru Manoel.
Għal ħafna minnhom din kienet l-ewwel darba li attendew it-Teatru Manoel fejn kellhom l-opportunità jaraw, bla ħlas, performance mill-iktar sabiħa dwar id-diski tal-mibki Gaetano Kanta.
Il-Ministru Owen Bonnici laqa’ lil dawn l-anzjani u saħaq li “it-Teatru Manoel hu tal-anzjani tagħna daqskemm hu tal-bqija tal-poplu kollu. Aħna kommessi li nferrxu l-kultura b’performances ta’ kwalità lil oqsma varji tal-poplu tagħna inklużi l-anzjani”.
Għalhekk l-anzjani qed jgħaddu minn esperjenza ħolistika diretta tad-dinja artistika, esperjenza li jistgħu jgawduha kif ukoll hi mod biex iġeddu l-memorji u tipprovdi sens ta’ nostalġija.
Il-kunċert bl-isem ta’ Down Memory Lane, niżel għasel mal-anzjani li mlew it-teatru għax ħadhom lura fis-snin meta f’pajjiżna kien igawdi popolarità kbira l-kantant Gaetano Buttigieg magħruf aktar bħala Gaetano Kanta. Fil-fatt il-kunċert kollu ttella’ mill-familja ta’ Gaetano, il-familja tal-kantanti Bezzina fosthom Gianluca Bezzina.
“Dan il-gvern hu impenjat li jipprovdi kultura inklussiva u aċċessibbli u dan li qed nagħmlu hu eżempju ċar li dan is-settur verament jista’ jitgawda minn kulħadd. L-anzjani għaddewlna l-kultura ta’ pajjiżna u permezz ta’ proġetti bħal dawn qed nonoraw l-isforzi tagħhom biex jipprovdulna legat kulturali”, qal il-Ministru Bonnici.
L-attività kienet produzzjoni tat-Teatru Manoel u direzzjoni tal-artista b Dorothy Bezzina.