L-organizzazzjoni volontarja, Breeds of Origin Conservancy, se tinnomina lil Joseph Muscat magħruf ma’ bosta bħala ‘il-Beżuża’, għal Ġieħ ir-Repubblika, u ddeskrivietu bħala teżor nazzjonali.
Muscat kien meqjus ukoll bħala wieħed mill-aħħar kustodji tal-mogħża indiġena Maltija, li tinsab f’riskju li tinqered.
Darryl Grech, il-Fundatur ta’ Breeds of Origin Conservancy, iddeskriva lil Muscat bħala ikona u bniedem ta’ rispett kbir.
“Ġużu irrappreżenta l-ħajja rurali f’Malta, li llum l-ġurnata, mal-bidla taż-żminijiet tista tgħid li ntilfet għal kollox. Il-mewt tiegħu hi telfa kbira għas-settur tagħna”, tenna jgħid Darryl Grech.
Tul ħajtu, dejjem il-Beżuża dejjem stinka u ħadem bi ħġaru sabiex jitellgħu l-wirjiet tal-bhejjem b’mod speċjali fl-Imnarja u kien pedina mportanti għat-twaqqif tal-Wirja Agrarja fir-raħal tiegħu, Ħad-Dingli.
Barraminnhekk, Ġużu kien raġel ta’ prinċipju, u kien iġib il-familja l-ewwel u qabel kollox.
Daryl Grech tenna li dan hu rikonoxximent ferm żgħir meta mqabbel mas-servizz sinifikanti li tagħna Ġużu, li ddedika ħajtu għas-settur agrikolu u għall-komunità Maltija.