Il-kumpanija Malta Dairy Products – produtturi tal-Benna u prodotti oħra magħmulin mill-ħalib frisk, ħabbret prodott ġdid u innovattiv immirat speċifikament għat-tfal.
Il-“Yummy Kids Yogurt” huwa ideali għal tfal li għandhom aktar minn sena.
Dawn il-yogurts se jkunu tal-ewwel fis-suq għax magħmulin minn taħlita ta’ frott u ħaxix, bil-Vitamina D3 miżjuda. Huwa sors tajjeb ta’ kalċju li jgħin biex iċ-ċkejknin ikollhom għadam b’saħħtu.
Element importanti ħafna huwa li dawn il-yogurts għandhom kontenut baxx ta’ zokkor u b’hekk huma konformi mal-linja gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali u jħarsu l-linji gwida maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Dawn il-yogurts m’għandhomx kuluri artifiċjali, preservattivi jew sweeteners, u qed jinbiegħu fi tliet togħmiet differenti : Banana&Kale, Strawberry&Carrot, Apricot&Pumpkin.
Il-Yummy Kids Yogurts tal-Benna jinbiegħu f’tazzi individwali ta’ 110g.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-prodott ġdid, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-prodott huma magħmul minn produzzjoni tal-ħalib f’Malta u dan huwa ta’ preġju kbir meta wieħed jikkunsidra l-kompetizzjoni qawwija ta’ prodotti impurtati u l-isfidi esterni li jaffaċċja s-settur.
Huwa feraħ lir-raħħala li nvestew b’mod qawwi fl-irziezet tagħhom, saru ferm iktar effiċjenti fil-produzzjoni u laħqu livelli għolja ta’ kwalità, waqt li dejjem issalvagwardjaw l-obbligi ambjentali u l-ħarsien tal-annimali.