Il-benefiċċjarji tal-moratorju għal self għan-negozju komplew jonqsu b’mod konsistenti sa mill-aħħar ta’ Awissu tas-sena 2020 u laħqu livell baxx lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Dan hekk kif l-andament ekonomiku kompla jinnormalizza f’pajjiżna.
Dan ħareġ minn aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali li wera kif f’Ottubru tas-sena li għaddiet kien hemm biss 28 self li għadhom qed igawdu mill-moratorju.
Dan kien tnaqqis konsiderevoli meta mqabbel mal-54 self li kien hemm ix-xahar ta’ qabel.
Il-valur ta’ dan is-self niżel b’seba’ miljun u tmien mitt elf ewro minn Settembru u huwa tal-valur ta’ sitta u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro li jiġu 0.2% tas-self lir-residenti Maltin.
Il-moratorju fuq il-propjetà wkoll naqas għal valur ta’ erba’ mitt elf ewro f’Ottubru li huwa ekwivalenti għal 1.4% tal-valur totali tas-self.
L-iktar ammont ta’ self li kien jaqa’ taħt dawn il-moratorji kien f’Lulju tas-sena 2020 b’valur ta’ sitt mija u ħamsa u tletin miljun ewro.
Kumpaniji kellhom sitta u għoxrin miljun u mitt elf ewro f’self suġġett għal moratorju fl-aħħar ta’ Ottubru.
L-aġġornament mill-Bank Ċentrali juri kif l-ikbar numru ta’ self suġġett għall-moratorju kien minn negozji fis-settur tal-ospitalità u s-servizzi tal-ikel.
Filwaqt li f’dan is-settur fl-aħħar tas-sena 2020 kellu iżjed minn 40% tas-self li huwa kopert b’moratorju, sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda l-livell kien naqas għal 1.5%.
L-għajnuna sabiex in-negozji lokali jkollhom il-likwidità ingħatat ukoll permezz tal-iskema tal-Covid-19 tal-Bank Malti għall-Iżvilupp, li permezz tagħha l-Gvern seta’ jidħol garanti sa massimu ta’ seba’ mija u sebgħa u sebgħin miljun u tmien mitt elf ewro.
Sal-aħħar ta’ Ottubru 2020 kienu 652 faċilità li ġew approvati taħt din l-iskema meta l-ammont totali ta’ self sanzjonat huwa ta’ ħames mija u tmenja u sitt mitt elf ewro.
Sal-aħħar ta’ Ottubru kważi erba’ mija u ħamsa u tletin miljun ewro ġew imħallsa.