Il-maġġoranza tal-persuni li jgawdu mill-benefiċċju tal-kera huma persuni li jgħixu waħedhom jew inkella ġenituri li jrabbu waħidhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ingħata rendikont dwar numru ta’ benefiċċji li jingħataw mill-Awtorità tad-Djar.
Ġie spjegat li madwar elfejn, tliet mija, sebgħa u tmenin familja jgawdu mill-benefiċċju ġdid tal-kera li huwa kalkolat b’tali mod li l-ħlas tal-kera ma jeċċedix ħamsa u għoxrin fil-mija tad-dħul ta’ dawn il-persuni.
Dan bil-għan li dawn il-persuni jkollhom biżżejjed dħul biex ikopru l-bżonnijiet essenzjali tal-ħajja.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes irrimarka li s-sussidju li kien jingħata kellu anomaliji fosthom ammont wieħed għal kulħadd. Dan għall-kuntrarju tal-benefiċċju li jingħata llum il-ġurnata, li jiddependi fuq id-dħul tal-persuna.
Fil-fatt, illum persuna tista’ tingħata għajnuna sa massimu ta’ ħamest elef ewro fis-sena.
B’hekk bħalissa l-benefiċċjarji qed jirċievu medja ta’ erba’ mija u sbatax-il ewro fix-xahar biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kera apparti d-dħul u benefiċċji soċjali.
Dan ifisser li l-Awtorità fuq medja tal-familji kollha, qed tħallas elfejn, seba’ mija, tlieta u tmenin ewro fis-sena bħala benefiċċju tal-kera għall-elfejn u disa’ mitt applikant li qed jirċievu l-benefiċċju.
Min-naħa l-oħra, l-applikanti jħallsu medja ta’ sitt elef, ħames mija, tnejn u erbgħin ewro fis-sena għall-kera tagħhom.
Fuq nota oħra, erbgħa u tmenin familja gawdew minn skema ta’ akkomodazzjoni urġenti f’każ ta’ kriżi fejn tmenin fil-mija tal-kirja ġiet koperta. Għal din is-sena biss, l-ispiża laħħqet l-erbgħa u disgħin elf, sitt mija u għaxar ewro fejn in-nies jirċievu medja ta’ sitt mitt ewro f’depożitu għall-kera u sitt mitt ewro oħra għall-ewwel kirja.
Il-Ministru Galdes sostna li l-missjoni tal-Gvern mhijiex karità iżda stabbilità: “Ħloqna sistema li qed iġġib il-progress. Sistema li bil-prevenzjoni qed twassal biex inqas nies jiġu fil-bżonn eċċessiv u li tgħin lil min jirċievi l-għajnuna biex jimxi ‘l quddiem. Il-Gvern mhux qiegħed biex jagħti l-karità u tajjeb li ninsistiha din imma biex jibni sistema soċjali li ma nħallu lil ħadd waħdu u jagħtuh il-mezzi biex jimxi ‘l quddiem u meta dan jiġi bżonnha.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay stqarr li l-awtorità qed tirċievi medja ta’ mija u sittin applikazzjoni ġdida fix-xahar u qed tilħaq firxa wiesgħa ta’ nies.
Is-Sur McKay sostna: “Fhimna illi hemm soluzzjonijiet differenti għal bżonnijiet differenti; għandek il-qasam tal-housing soċjali, il-qasam tas-suq tal-kirjiet però għandek il-qasam ukoll tal-housing affordabbli u hawnhekk fejn diġà b’mod konkret daħħalna l-benefiċċju tal-kera u qed ngħinu eluf ta’ familji.”