Il-ġimgħa d-dieħla se jsiru l-ewwel pagamenti tal-benefiċċju tal-ġenituri li jeħtieġ jieħdu ħsieb lill-uliedhom u jieqfu jaħdmu.
Dan anki f’kuntest li t-tfal issa qegħdin id-dar minħabba li l-iskejjel għalqu kawża tal-pandemija.
Il-Gvern daħal għal dawn il-ħaddiema tas-settur privat bi tfal taħt is-16-il sena li ma jistgħux jaħdmu mid-dar.
Ma’ ONE News, id-Direttur għall-Osservanza tal-Benefiċċji Soċjali fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona spjega kif se jkunu qed jitħallsu dawk eliġibbli għal din l-iskema.
Qal kif, “Għall-Full-timers, se nagħtu €166.15 fil-ġimgħa, u għall-part-timers se nagħtu €103.85 fil-ġimgħa. Meta nħallsu dawn ir-rati, il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali se tkun imnaqqsa diġà.”
L-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu diġà, u l-applikanti se jintalbu juru wkoll ittra mill-impjegat bħala prova li ma jistgħux jaħdmu mid-dar f’dan iż-żmien.
Spjega, “Fejn l-ittra tgħid li l-persuna ma tistax taħdem mid-dar biex tieħu ħsieb lit-tfal. Fl-istess ħin, din tkun fuq unpaid leave, u mhux qed tirċievi Covid Wage Supplement. Importanti li dan id-dokument jitla’ mal-applikazzjoni.”
Għalkemm ħaddiem li qed jingħata l-Covid Wage Supplement ma jitqiex eliġibbli għall-iskema, jekk ġenitur wieħed biss qed jieħu l-Covid Wage Supplement, u l-ġenitur l-ieħor qed jibqa’ d-dar mal-ulied, dan jista’ jitqies eliġibbli għall-iskema.
Spjega kif sa issa daħlu aktar minn erba’ mitt applikazzjoni.
Qal, “L-ewwel pagament se jsir bħal nhar is-Sibt li ġej ġimgħa, ix-xogħol fuq l-applikazzjonijiet beda l-bieraħ, u daħlu ftit aktar minn erba’ mitt applikazzjoni.”
Biex wieħed japplika għal dan il-benefiċċju wieħed jista’ jżur is-sit socialsecurity.gov.mt jew iċempel fuq 153.