Il-benefiċċju għall-ġenituri li kellhom jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb it-tfal waqt li l-iskejjel kienu magħluqa u l-benefiċċju għal dawk li tilfu xogħlhom b’konsegwenza diretta tal-imxija tal-Coronavirus se jibqgħu jingħataw sat-3 ta’ Lulju.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-benefiċċji li ngħataw minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Tħabbar ukoll li l-benefiċċju mediku għal persuni vulnerabbli u l-benefiċċju għall-persuni b’diżabilità li bdew jingħataw waqt l-imxija tal-Coronavirus se jitwaqqfu hekk kif dawn il-persuni bdew jirritornaw għad-dinja tax-xogħol, bl-aħħar pagament isir fil-Jum tal-Ħamis.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali Mark Musù qal li minn dawn il-benefiċċji gawdew 8,300 persuna li minnhom 711 irritornaw għad-dinja tax-xogħol u b’hekk waqqfu l-benefiċċju li kienu qegħdin jieħdu.
Fost dawn kien hemm 234 persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u waqfu għax sabu xogħol.
Is-Sur Musù qal: “Is-somma issa qabżet it-€130-il miljun u qegħdin nikkalkulaw sakemm jitwaqqfu l-aħħar żewġ benefiċċji sat-3 ta’ Lulju se jkunu tħallsu 17.5 miljun.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-Gvern mill-ewwel daħal għal din l-isfida b’wiċċu minn quddiem sabiex ikun ta’ spalla għal dawk li l-virus laqathom direttament fil-but tagħhom.
Semma wkoll li l-Gvern ra li ċertu benefiċċji ma jitwaqqfux ħesrem.
Il-Ministru Falzon sosotna: “Il-benefiċċji l-oħrajn kollha li kellna l-ħidma baqgħet għaddejja u kellna dawn b’żieda u qamu għall-okkażjoni, kienet xi ħaġa li rnexxilhom iwaqqfu fi ftit jiem. Għamilna mhux biss li hu normali u għamilna l-istraordinarju iżda saħansitra daħħalna benefiċċji ġodda.”
Il-Ministru Falzon qal li fil-baġit multimiljunarju ta’ nhar it-Tnejn li ġej il-Gvern ser ikompli jżomm l-aspett soċjali fuq quddiem nett tal-għajnuniet li dan il-Gvern dejjem ta.