Minn din is-sena, il-benefiċċju għall-ħlas tal-carers tal-anzjani fid-djar tagħhom se jiżdied għal sitt elef ewro. Permezz ta’ dan il-benefiċċju, l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità; bl-investiment tal-Gvern għal dan il-benefiċċju lill-anzjani, li huwa parti mill-budget għal din is-sena, jlaħħaq it-tliet miljun ewro.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele.
Il-Ministru Farrugia qal illi kull xahar issir mal-40 talba għal din l-għajnuna tal-Gvern.
Huwa qal, “Illum hemm 518-il anzjan illi qegħdin igawdu minn din l-iskema li kienet iddaħħlet. Parti minnhom sostnazjali huwa ta’ carers full time u hemm ftit ta’ carers illi huma fuq bażi part time. Din l-għajnuna lill-poplu Malti u Għawdxi se nkomplu nagħtuha kontinwament għax għalina n-nies Maltin u Għawdxin huma prijorità.”
Dan il-beneffiċju kien iddaħħal fl-2016 u kienu jingħataw €4,500 fis-sena, is-sena l-oħra dan il-benefiċċju żdied għal €5,291. Għalhekk din is-sena dan il-benefiċċju żdied b’aktar minn €700.
Id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u kura fil-Komunità joffri wkoll madwar 20 servizz illi 97% tal-anzjani huma kuntenti b’dak li huwa offrut lilhom.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele qal li kull min jixtieq japplika għal dan il-benefiċċju jista’ japplika minn fuq is-sit activeageing.gov.mt, minn servizz.gov jew mill-Kunsilli Lokali.