Mill-elfejn u ħmistax sal-lum, inħolqu benefiċċji soċjali ġodda li ħallew aktar minn erbgħa mija u ħamsin miljun ewro fil-bwiet tal-benefiċċjarji. Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt l-estimi għall-baġit tas-sena d-dieħla.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Falzon qal li, meta mqabbel man-nefqa soċjali fl-elfejn u tlettax, l-allokazzjoni rekord ta’ biljun u kważi ħames mitt miljun ewro fuq benefiċċji soċjali, turi żieda ta’ disgħin fil-mija. Qabża ta’ aktar minn sebgħa mija u ħames miljun ewro.
Hawn il-Ministru qal li l-akbar allokazzjoni tan-nefqa se tmur fuq il-ħlas tal-pensjonijiet u l-bonus li jitħallas separament mill-pensjonanti kontributorji u mhumiex. Spiża ta’ ’l fuq minn biljun, mija u sittin miljun ewro, li se jmorru fil-bwiet ta’ madwar mitt elf pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u tal-età.
B’hekk, irrimarka il-Ministru qal li l-pensjonanti se jgawdu minn żieda annwali ta’ seba’ mija u tmenin ewro fis-sena, l-akbar waħda li qatt ingħatat.
Hu tkellem ukoll fuq it-titjib li qed jingħata lill-pensjonanti, fejn stqarr li persuni li rtiraw mill-elfejn u disgħa ’l quddiem se jkun imisshom żieda oħra, filwaqt li pensjonanti romol ukoll se jieħdu żieda addizzjonali.
Żied jgħid li, fi tmiem din il-ġimgħa, il-Gvern se jkun qiegħed iżomm kelmtu mill-ġdid mal-eluf ta’ persuni li fl-imgħoddi ġarrbu xi inġustizzja fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Il-Ministru responsabli mill-politika soċjali qal li familji bi tfal taħt is-16-il sena se jaraw żieda ta’ mitejn u ħamsin ewro għal kull wild, filwaqt li familji, li wliedhom jibqgħu jistudjaw, se jieħdu ħames mitt ewro fis-sena, għal tliet snin.
Filwaqt li d-Deputat Nazzjonalista David Agius, għażel li jikkwota ċifri konvenjenti għal politika negattiva, il-Ministru Falzon spjega kif,j fost miżuri oħrajn, il-Gvern irnexxielu jeqred il-prekarjat u ħoloq inċentivi għal dawk fuq l-assistenza soċjali u persuni b’diżabbiltà biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
“L-Onorevoli Agius beda jsemmi ħafna numri u forsi, biex inkompli miegħu, nista’ ngħidlu jien ukoll ftit numri. Illum għandna terz tal-persuni, li kellna f’ċaħda materjali severa fl-elfejn u tlettax. Faċli titkellem fuq in-numri assoluti, imma tkellem ukoll fuq il-persentaġġi. Ċaħda materjali severa llum għandna terz ta’ dak li ħallew warajhom. Ċaħda materajli mhux severa llum għandna nofs li ħallew warajhom.”
Fl-istess seduta tkellmet id-Deputata Laburista Naomi Cachia, li fakkret kif Gvern Laburista żied ripetutament il-pensjonijiet u għen lil dawk li ma kellhomx biżżejjed bolol imħallsin ħalli jikkwalifikaw għal pensjoni.
“Kulħadd jgħidli, li taħt Gvern Nazzjonalista, il-pensjonijiet kienu sors ta’ ħafna inċertezzi u dwejjaq, anke fuq l-età tal-irtirar. Imma, imbagħad, aħna minn din in-naħa niġu nitkellmu b’wiċċna minn quddiem fuq il-pensjonijiet, iva u l-unika partit li jista’ jitkellem fuq żidiet fil-pensjonijiet bil-kredibbiltà, għax urejna li qalba qegħda mal-anzjani meta żidna u saħħaħna l-pensjonijiet wara kważi ħamsa u għoxrin sena u bqajna nsaħħuhom sena, wara sena, wara sena.”
Quddiem dan kollu, iżda, fl-istess seduta l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali, Ivan Bartolo, għażel li jsejjaħ il-baġit, li qed jagħti żidiet b’saħħithom soċjali, b’dan il-mod.
“Baġit ta’ ħafna ċejċa.”