Hekk kif id-dinja qed tirkupra mill-effetti tal-pandemija u terġa’ lura lejn in-normalità bla restrizzjonijiet soċjali, il-Belt Valletta mistennija tkun iċ-ċentru ta’ attività vasta fix-xhur tas-sajf.
Fil-fatt, dan is-sajf huwa mistenni jagħti lura l-ħajja fit-toroq storiċi tal-belt kapitali Maltija. Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li wara sentejn ta’ sfidi l-Belt Valletta se tara l-attività kulturali li tixirqilha.
Qal, “Nifs kbir lura, litteralment nifs kbir lura u nifs sabiħ ħafna. M’hemmx isbaħ milli toħlom, tħejji, torganizza, u tara lin-nies jerġgħu jiltaqgħu mill-ġdid, tbissima fuq fomm kulħadd, nies jitgħannqu u ħdejn xulxin, mhux nies ’il-bogħod minn xulxin. Dan huwa l-ikbar sodisfazzjon bħala Aġenzija Kulturali, li naraw.”
Micallef qal li n-numru ta’ attivitajiet għas-sajf mhux talli se jkun aqwa minn ta’ dawn l-aħħar sentejn, iżda se jkun qed jikkompeti man-numru ta’ attivitajiet li kienu jsiru qabel il-pandemija.
Dan is-sentiment ma jeżistix biss fil-belt kapitali, hekk kif il-gżejjer Maltin b’mod ġenerali diġà qed jesperjenzaw żieda fl-attivitajiet.
Micallef qal li, bl-istess mod, il-Belt Valletta se tara wieħed mall-aqwa sjuf tagħha.
Qal, “L-ewwel nett, l-attivitajiet kulturali, nemmen li l-entitajiet kollegi tagħna kollha preparaw bil-kbir, anke minħabba l-fatt li fl-aħħar sentejn kienu ta’ sagrifiċċju kbir, u naħseb se jkun wieħed mill-akbar sjuf.”