Il-Belt Valletta kienet miżgħuda bin-nies, li daħlu jgawdu l-attivitajiet li qed jittellgħu fi tmiem din il-ġimgħa fil-Kapitali.
L-attrazzjoni prinċipali kiene dik tal-infjorata fi Pjazza San Ġorġ bħala parti mill-Valletta Green Festival. Infjorata f’forma ta’ żrinġ u li għandha l-iskop li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-abitat naturali u l-biodiversità ta’ pajjiżna.
Iżda, is-Sibt filgħodu ttellgħet attività oħra b’differenza immirata għall-klieb. Ġnien Laparelli nbidel f’arena b’diversi ostakli għall-klieb. Ryan Cutajar, wieħed mill-organizzaturi, spjega ma’ ONE News l-ostakli l-klieb kellhom jgħelbu.
Cutajar stqarr, “Mela hawn affarijiet li huma daqsxejn challenging għax jiċċaqalqu għal klieb, iżda mhux kull kelb ikun komdu b’xi ħaġa tiċċaċlaq. Hawn affarijiet għoljin, affarijiet baxxi, affarijiet li jgerfxuhom, affarijiet li jgħaddu minn taħthom, int u l-kelb.”
Is-sidien tal-istess klieb ipparteċipaw f’din l-attività u anke kellhom l-opportunità li jieħdu xi ritratt mal-kelb tagħhom.
Cutajar spjega, “Bażikament l-attività ġewwa Laparelli Gardens tinvolvi obstacles varji, biex bażikament tipprova tara l-abbiltà tal-kelb. Kollox għal pjaċir, mhux kompetizzjoni, jiġifieri l-klieb mhux qed itellqu. Bażikament tiġi tieħu gost u forsi darb’oħra tgħallmu jagħmel xi ħaġa differenti. Xi ħaġa li tista’ tagħmel mal-kelb u mhux just mixja.”
Intant l-attivitajiet fil-Belt Valletta marbuta mal-Valletta Green Festival jibqgħu għaddejjin sal-Ħadd tul il-ġurnata kollha. Fl-istess jum ser jitgħellaw l-attivitajiet marbuta mal-Festa tal-Ewwel ta’ Mejju mtellgħa mill-Partit Laburista,.