Eluf ta’ persuni dalgħodu ħonqu Pjazza San Ġorġ u Triq Reppublika għall-mixja ta’ solidarjeta mal-Pulizija.
Dawk preżenti mxew minn Pjazza San Ġorġ sa quddiem il-Parlament f’ mixja paċifika fid-dawl ta’ dak kollhu li ġara dan l-aħħar.
Din il-mixja ġiet organizzata miż-żewġ unjins tal-Pulizija flimkien mall-assoċjazzjoni tal-pulizija rtirati.
Il-President tal-Police Officers Union l-Ispettur Sandro Camilleri – qal li din il-mixja mhux marbuta biss mal-każ ta’ dan l-aħħar, imma għal dak kollhu lill-Pulizija ilhom jgħaddu minnhu.
Huwa qal lill-istatistika tar-reati qed dejjem tonqos, madankollu l-Pulizija qed tħallas prezz qares ta’ dan.
Min-naħa tiegħu is-Segretarju tal-Malta Police Association l-Ispettur Robert Vella qal li din il-mixja qed issir wara dak kollhu li ġara din il-ġimgħa b’ referenza għal każ tal-Kuntistabbli Simon Schembri, u kif ukoll gġal każijiet oħra fejn ċertu nies komplew jinstigaw il-mibegħda fil-konfront tal-Pulizija.
Huwa qal li f’ dan id-dawl il-moral tal-uffiċjali huwa wieħed baxx.
Preżenti għal dan il-mixja kien hemm il-Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cuatajar flimkien ma’ uffiċjali oħra, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia flimkien ma’ bosta ministri u membri parlamentari oħra u kif ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Preca, l-ispeaker Anġlu Farrugia u l-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat.