Il-Belt Valletta lesta biex tilqa’ s-sena elfejn u sbatax bi spettaklu u għażla mill-aqwa t’artisti lokali, u mhux biss.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa filgħodu ingħataw l-aħħar dettalji dwar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali, li minbarra li jilqgħu is-sena l-ġdida, se jimmarkaw ukoll il-mument li pajjiżna jieħu f’idejh l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-avvenimenti f’Pjazza San Ġorg se jibdew għall-ħabta tat-tmienja permezz ta’ mużika minn Ozzy Lino, l-artist Malti li iktar kmieni din is-sena ġibed l-attenzjoni t’eluf li rawh f’video fil-midja soċjali jkanta fuq tramm fil-Ġermanja.
Dwar il-protagonisti ewlenin f’din is-serata fil-belt kapitali , tkellimna ma’ Owen Spiteri, il-moħħ wara l-għażla tal-artisti. Se jkun hemm esebizzjoni tal-big band brothers li jdoqqu kull tip ta’ mużika filwaqt li f’11.50 se jkun qed isir il-countdown bl-aqwa diski tad-Djs Pierre Cordina u Clint Bajada.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tieħu wkoll skala internazzjonali bis-sehem ta’ Reggie u Bollie li kienu finalisti fil-programm Ingliż X Factor fl-2015.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici saħaq kif l-2016 kienet sena kbira għal kultura, settur b’potenzjal li qed joħloq għadd ta’ postijiet tax-xogħol.
Il-countdown uffiċjali se jkun mimli kanzunetti popolari Maltin, kollha immirati biex il-pubblika jinvolvi ruħu mal-ispettaklu fuq il-palk.
Tħabbar ukoll li se jkun hemm trasport minn kull lokalità għal Belt Valletta u lura sas-sagħtejn ta’ filgħodu u t-trasport bil-baħar mill-Belt sal-Kottonera u tas-Sliema se jibqa’ jaħdem sal-erbgħa ta’ filgħodu.