Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jilqa’ u jappoġġa l-fatt li investituri qed juru fiduċja fil-kapitali tagħna meta applikaw għall-possibbiltà ta’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni mħabbra mill-Gvern fl-inħawi ta’ Lascaris, li jinkludu l-Pixkerija l-antika, u anke l-bini prominenti ta’ Evans biswit Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Is-Sindku wera l-apprezzament tiegħu l-fatt li ġew ikkonsultati mill-Gvern dwar dawn l-iżviluppi, li se jkomplu jgħollu l-livell u l-preġju tal-Belt Valletta għal kull min jaħdem fiha jew ikun qed iżurha għal skop kulturali jew ta’ divertiment.
Il-proġett f’Lascaris, bl-investiment mill-privat, se jinkludi r-restawr ta’ binjiet storiċi, bħall-Pixkerija, l-Isptar tal-Kwarantina u parti mill-Magazzini della Barriera, li lkoll jeħtieġu dawra tajba. Se tkun qed tiġi żviluppata jott marina fis-sit, li wkoll se tkompli tkabbar l-investimenti.
Il-proġett ukoll ta’ rijabilitazzjoni tal-Evans Buildings, li mistenni wkoll isir mill-privat b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro, se jara li l-post, filwaqt li ma jitlifx mill-karatteristiċi tiegħu, jiġi mibdul f’akkomodazzjoni turistika ta’ livell għoli.
Dan se jinkludi wkoll ir-restawr tal-istrutturi ta’ taħt is-sit, li jinkludu l-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam u t-Teatru Anatomiku.
Fl-istqarrija tiegħu, Alfred Zammit tenna li l-Kunsill hu sodisfatt li ġie kkonsultat mill-Gvern dwar iż-żewġ proġetti u qed jiġi aċċertat li jibqa’ l-aċċess għall-pubbliku għall-inħawi, li llum il-gurnata mhumiex użati fil-potenzjal sħiħ tagħhom.
Dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni wkoll se jwasslu għall-ħolqien ta’ għadd ta’ mpjiegi oħrajn, kemm fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni kif ukoll fil-proċess ta’ operat. Minbarra hekk se jikkontribwixxu ekonomikament f’valur miżjud fi kwalità ogħla tal-esperjenza fil-Belt kapitali.