Fit-tielet ġimgħa tal-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku bdew jagħmlu xogħol ta’ tindif, tisbiħ u manutenzjoni fil-Belt u żoni oħra turistiċi.
Fost ix-xogħol li qed isir fil-Belt hemm eżerċizzju ta’ bdil ta’ tabelli, filwaqt li tneħħew il-graffitti u vandaliżmu ieħor madwar il-Belt.
Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar ħabbar kif fl-aħħar jiem bdew id-diskussjonijiet mal-kunsilli lokali biex jiddentifikaw l-aktar postijiet li jistgħu jgawdu minn din il-kampanja.
Qal, “Se nkunu tul din il-ġimgħa nikkonċentraw biex il-Belt Valletta ntuwha libsa isbaħ. Ovvjament magħha se jkun hemm il-postijiet li normalment, tradizzjonalment li huma magħrufa bħala turistiċi għall-istaġun li jmiss u ndawru l-ekonomija tagħna, wara l-imxija li għadna għaddejjin biha u li qed noħorġu minnha.”
Dan ikompli max-xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar ġimgħat, fosthom knis, installazzjoni ta’ railings ġodda u tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ.
F’din il-kampanja qed jieħdu sehem madwar 700 ħaddiem li jaħdmu f’diversi entitajiet u dipartimenti tas-Servizz Pubbliku.