L-Erbgħa, l-Kumitat Kostituzzjonali tal-Parlament Belġjan, unanimament approva proposta sabiex ikunu riveduti r-regoli li jevalwaw il-maġistrati prinċipali tal-qrati u dawk tribunali.
Din il-proposta saret wara li kienu identifikati ħafna nuqqasijiet li ħarġu mill-investigazzjoni interna u diversi seduti parlamentari fir-rigward tal-qtil u stupru taż-żagħżugħa Julie Van Espen f’Mejju 2019 minn Steve Baekelmans li suppost kien qed jiskonta sentenza l-ħabs għal offiżi ta’ moralità u vjolenza.
Fost in-nuqqasijiet li nstabu kien hemm l-evalwazzjoni tal-maġistrati prinċipali li għandhom rwol prinċipali fil-progress ta’ każijiet kriminali. Sabiex tkun implimentata tali sistema ta’ evalwazzjoni jirrikjedi li ssir emenda kostituzzjonali u għalhekk il-Membru Parlamentari Kristien Van Vaerenbergh ippreżentat proposta ta’ modifikazzjoni li kienet approvata l-Erbgħa.
Issa din il-proposta trid tiġi ppreżentata fil-plenarja tal-Parlament fejn għandha bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi biex tkun approvata u din trid tiġi wkoll approvata mis-Senat.