Fl-aħħar snin, it-talba għall-proprjetajiet lussużi u ta’ kwalitá għolja f’pajjiżna żiedet tant li dak li kien maħsub fażi, issa huwa suq stabbli u li qed jikber.
Għaldaqstant, dawk li jbiegħu l-propjetá f’pajjiżna qegħdin iħarrġu l-ħaddiema tagħhom u jfittxu iktar proprjetajiet ta’ kwalitá biex ilaħħqu mad-domanda u jżommu dan is-suq ħaj.
Eżempju ta’ dan huwa Frank Salt li waqqfu fergħa speċjalizzata f’dan is-suq, li kienet inawgurata mill-Prim Ministru dalgħodu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li mhux biss personalment jemmen fil-futur ta’ dan is-suq iżda huma l-istatistiċi u l-istudji ta’ istituzzjonijiet fosthom il-bank ċentrali li jindikaw li jekk imħaddem sew, hemm aspettativi pożittivi u dejjiema.
Madanakollu, l-Prim Ministru fakkar li pajjiżna ma jistax jistrieħ fuq is-suq preżenti li qatt ma’ esperjenza daqstant kummerċ u li b’ideat innovattivi bħal m’hu dan is-suq għandhom jinsabu metodi biex is-suq tal-propjetá jżomm dan ir-rittmu. Għalkemm jifhem li s-suq tal-proprjetá lussuża huwa ristrett, tenna li l-inovazzjonijiet ta’ dawn id-djar jixprunaw innovazzjoni fis-suq tad-djar tradizzjonali.
Min-naħa tiegħu, l-fundatur tal-kumpanija Frank Salt, tenna li mit-twaqqif tagħha fl-1970, Frank Salt Real Estate issa se timpjega mal-200 ħaddiem u li huma kunfidenti li n-negozju tagħhom se jkompli jespandi fil-klima ekonomika pożittiva preżenti.