Il-bejgħ tal-Jerma huwa miżmum wara li l-bank HSBC talab għas-sospensjoni fil-bejgħ bi rkant. Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn qal li suppost dan l-irkant kellu jsir nhar it-Tlieta
Skont nota mill-avukat tal-istess bank, huma qalu li talbu din is-sospensjoni għaliex jixtiequ li jkunu f’pożizzjoni aħjar biex issir ir-rivalutazzjoni.
Skont il-ġurnal Times of Malta, huwa mifhum li l-bank ma ridx li dan il-bejgħ ġudizzjarju permezz ta’ irkant ikompli għaliex l-istess bank għandu appel ta’ każ ċivili pendenti bejn l-istess partijiet, fejn il-bank qiegħed isostni li hu dovut xi flus minn għand Montebello Brothers.
Skont l-istess ġurnal qed jingħad li l-HSBC irid jiġbor kważi tlettax-il miljun ewro, li aktar minn disa’ miljuni u nofs huma kapital filwaqt li l-bqija huma interessi fuq is-self tal-flus.
Espert tal-qorti sostna li l-Jerma u l-art tal-madwar hija stmata li tiswa għoxrin miljun u tmien mitt elf ewro. Din l-art hija stmata li l-kobor tagħha jlaħħaq ħames grawnds u nofs tal-futbol.
F’Awissu li għadda kienet l-Awtorita’ tal-Ipjjanar nfissa li bdiet il-proċess sabiex titwaqqa din l-art abbandunata li kienet qed tiswa’ lir-residenti Skalin numru ta’ inkonvenjenzi.
L-esperti tal-qorti qed isostnu li l-spiża sabiex din l-art tkun mnaddfa u jitneħħa l-abbandun ser tiswa’ madwar miljun u ħames mitt elf ewro.