Mat-tokki tad-disgħa ta’ filgħaxija f’Sibt il-Għid, fil-Birgu saret il-begigga, tradizzjoni antika fil-belt rebbieħa.
Ftit wara li fil-Knisja tiġi intunata l-‘Hallelujah’, is-sinjal li Kristu qam mill-imwiet, b’mod spontanju, il-Ġirbin joħorġu jdoqqu fil-pjazzez u jagħmlu kull storbju.
Din is-sena, minħabba l-pandemija, il-begigga saret xorta iżda b’differenza.
Persuna waħda ħarġet f’misraħ ir-rebħa tgħajjat u ddoqq u n-nies ħarġu fil-gallariji jdoqqu u xegħlu d-dwal.
Ma’ ONE News l-istoriku George Agius spjega li din nibtet ftit qabel il-Gwerra meta’ t-tfal ta-Birgu kienu ħarġu jkantaw u jdoqqu t-tanbur wara l-quddies ta’ Sibt il-Għid.
It-tradizzjoni antika ġġeddet f’sibt il-għid bid-daqqijiet tal-ħornijiet u anki min ta fuq il-borom biex iżomm din it-tradizzjoni ħajja anki f’dawn iċ-ċirkostanzi waqt l-imxija tal-Coronavirus.