Il-Ġimgħa filgħodu tnediet il-viżjoni sabiex l-isport tal-beach soccer jingħata aktar ħajja f’pajjiżna.
Dan tħabbar mill-President il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Beach Soccer Pio Vassallo li qal kif din il-viżjoni hija bbażata fuq l-integrita, l-onesta, il-professjonalita, il-passjoni u r-rispett lejn xulxin.
Vassallo ħabbar kif dan l-isport se jkollu l-kampjonat lokali, fejn ir-rebbieħ se jkollu ċ-ċans li jilgħab kontra timijiet tal-beach soccer mill-kontinent Ewropew.
Intqal kif il-Beach Soccer Worldwide, li hija l-assoċjazzjoni internazzjonali ta’ dan l-isport hija interessata ħafna pajjiżna, minħabba l-klima li hija perfetta sabiex jintlagħab dan l-isport.
Vassallo stqarr: “Nemmen li Malta għandha potenzjal, hekk kif l-ikbar riżorsa hija x-xemx u differenti minn pajjiżi oħra dan l-isport jista’ jiġi prattikat pratikament is-sena kollha u Malta għandna l-infrastruttura li tattira tournaments li jsiru f’Malta.”
Il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol Matthew Paris qal li f’pajjiżna hawn entużjazmu għal dan l-isport.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal kif il-gvern huwa kommess sabiex ikabbar dan l-isport li għandu l-potenzjal biex jikber f’pajjiżna. Tant li fil-pajjiżna dan l-isport se jiddaħħal fl-iskejjel.
“Bħala gvern qegħdin naħdmu id f’id mal-Malta Beach Soccer Association sabiex nassiguraw illi jkun hemm aktar għarfien dwar dan l-isport, ikun hemm aktar faċilitajiet għal dan l-isport.” Saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Waqt din il-konferenza tħabbar li l-ewwel attività li se torganizza l-assoċjazzjoni Maltija għal beach soccer se jkun tournament bejn is-sebgħa u għoxrin t’Awwissu u s-sebgħa ta’ Settembru f’Birżebbuġa.