Minn għada, il-bdoti tal-Air Malta se jibdew jaħdmu taħt id-direttiva ‘work to rule’ hekk kif fl-aħħar jiem l-assoċjazzjoni tal-bdoti; l-ALPA; rrifjutat laqgħa mal-amministrazzjoni tal-Air Malta fi tmiem dan ix-xahar.
Fi kliem l-ALPA, id-data proposta għal din il-laqgħa importanti kienet wisq ‘il bogħod, u għaldaqstant ipproċediet bl-azzjoni industrijali.
Dan fi żmien sensittiv ferm għal-linja nazzjonali tal-ajru, li bħalissa għaddejja b’taħdidiet dwar sħubija strateġika li tassigura l-vijabilità tal-kumpanija u l-ħaddiema tagħha, inkluż il-bdoti nfushom.
Minkejja t-tentattivi biex nieħdu l-kummenti tal-President tal-ALPA, Dominic Azzopardi, dan tal-aħħar prefera li ma jagħti l-ebda kumment f’dan l-istadju.
Madanakollu, ONE News jista’ jikkonferma li ngħatat l-ordni biex il-bdoti jaħdmu b’dik magħrufa bħala l-‘work to rule’. Fi kliem ieħor, il-bdoti huma struwiti jagħmlu biss l-minimu possibli, kemm ma jitħassrux titjiriet.
Intant, f’kummenti lil ONE News, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Joseph Galea, tenna li l-linja nazzjonali tal-ajru tinsab lesta biex tnaqqas l-impatt negattiv li din l-azzjoni industrijali se tħalli fuq l-operazzjonijiet tagħha.
“F’mumenti bħal dawn, l-attenzjoni tagħna hi fuq il-pubbliku. Il-pubbliku li qed jivjaġġa magħna, l-klijent u l-passiġġier huwa l-iktar ħaġa importanti għalina u qed nagħmlu l-isforzi kollha, bl-impjegati u l-partners kollha tagħna, biex innaqqsu l-inkonvenjent.”
Sadanittant, il-Gvern kompla bl-isforzi tiegħu biex bħalma għamel bl-Enemalta, iġib l-Air Malta fuq saqajha wara li Gvern Nazzjonalista ħalliha f’xifer ta’ falliment.
Sforzi li fi kliem l-Aġent Kap Eżekuttiv, imorru lil’hinn mill-interess tal-Air Malta.
“Kulħadd jaf kemm il-pass li ġej huwa pass importanti. Huwa pass li jagħti ċans lill-Air Malta li tista’ tikber, li tista’ tissaħħaħ. U għaldaqstant nixtiequ li kulħadd jikkopera flimkien biex ikollna l-ġid għall-Air Malta, l-ġid għall-industrija tat-turiżmu, u l-ġid għal Malta kollha.”