Il-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta bdew jivvotaw dwar il-ftehim kollettiv ġdid. L-aħħar proposta tal-Gvern lill-bdoti jinkludi pakkett li qed joffrilhom żieda ta’ €72,000 fis-salarji tal-1st officers u żieda ta’ €105,000 lill-kaptana fuq medda ta’ ħames snin.
Il-bdoti huma l-aħħar kategorija minn ħamsa ta’ ħaddiema fl-Air Malta li baqgħu ma kkonkludewx il-ftehim kollettiv sa tmiem is-sena li għaddiet.
F’attività politika lbieraħ f’Birkirkara, il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa li l-Gvern mhux se jħalli lil min jirrikattah u jinsab lest għal kull deċiżjoni li tħares l-għajxien tal-ħaddiema tal-Air Malta u ta’ eluf ta’ impjiegi li jiddependu minn dan is-settur.