Dan li jidher fil-filmat t’hawn taħt huwa parti minn proġett ġdid li tnieda mill-Istitut tat-Tekonoloġija Aerospazjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, li permezz tiegħu, il-bdoti se jkunu jistgħu jikkontrollow u jimmanivuraw ukoll l-ajruplan permezz tal-vuċi tagħhom.
Il-proġett magħruf bl-isem Touch-Flight 2 jsegwi Touch Flight 1 li permezz tiegħu, il-kontrolli u l-istrumenti kollha fil-kabina tal-ajruplan inġibu eqreb tal-bdot.
Madankollu Touch-Flight 2 huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija b’investiment ta’ €200,000 se jtejjeb l-aċċessibiltà għall-bdoti għax jistgħu jikkontrollaw l-ajruplan permezz tal-leħinhom.
ONE News tkellem mal-Kaptan Alan Muscat fejn spjega f’iktar dettal il-funzjonijiet li joffri dan il-proġett:
“Żidna wkoll l-abbilità li l-bdoti jista’ jitkellem bil-vuċi mal-ajruplan. Xorta għad hemm is-sistemi normali li jeżistu, imma issa għandna mod differenti ta’ kif isir il-komunikazzjoni mas-sistemi, u s-sistema wkoll tiċċekja li l-kamndi li qed isiru huma validi u tajbin”.
Waqt preżentazzjoni fl-Esplora, il-Kaptan qal is-sistema ser tassigura iktar sigurtà fl-ajurplan:
“Qed tnaqqas il-possibiltà li jkollok single failure ta’ komunikazzjoni għax ikollok wieħed biss. F’dan il-każ qed iżżidlu iktar modi differenti li jekk ikun hemm failure wieħed mhux se tkun problema għax ħa jibqalu mod ieħor kif ħa jikkomunika mal-ajruplan”.
Il-Kaptan Muscat qal li l-pass li jmiss huwa li l-proġett jiġi preżentat lill-kumpaniji kbar tal-avjazzjoni minn madwar id-dinja sabiex jiġi ċċertifikat, immanifatturat u eventwalment implimentat fl-ajruplani.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, tenna li proġetti ta’ dan it-tip huma turiha tal-avvanzi kbar li għamel pajjiżna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Silvio Schembri, qal li s-settur tal-Avjazzjoni jammonta għal 2.5% tal-prodott domestiku gross f’pajjiżna:
“Dawn huma il-mod kif irid jinvesti dan il-pajjiż, ħalli eventwalment inkomplu nassiguraw li l-futur ta’ pajjiżna jkun mibni fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn huma żewġ kunċetti mportanti ħafna għal dan il-Gvern, u għalhekk, qed naraw li inkompli ninvestu u ngħinu riċerkaturi Maltin sabiex ikomplu bl-istudji tagħhhom”.