B’investiment ta’ €707,969 b’fondi Ewropej tlestew ix-xogħlijiet fuq toroq rurali fil-Gudja li tejbu l-aċċessibbiltà għall-bdiewa.
F’dan il-proġett ġew irranġati Triq tal-Lampat, Triq ta’ Loretu, Triq Victor Pasmore, Sqaq Ħabel Wati, u Sqaq Xlejli. L-istat li kienu fih kien qiegħed joħloq problema ta’ aċċess għall-bdiewa u r-raħħala li għandhom l-għelieqi u l-irziezet tagħhom fl-inħawi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, flimkien mas-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella Gafà, żaru x-xogħlijiet kollha li saru f’dawn it-toroq, li huma ffrekwentati l-aktar mill-bdiewa u r-raħħala.
L-ewwel fażi tax-xogħlijiet kienet tikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Lampat, Triq ta’ Loretu, u Triq Victor Pasmore, filwaqt li t-tieni fażi kienet tikkonsisti fil-kisi mill-ġdid ta’ Sqaq Ħabel Wati u Sqaq Xlejli.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, b’investiment ta’ €22.5 miljun mill-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali, issa kważi tlestew ix-xogħlijiet fuq 160 triq rurali.
“Kommessi li, bil-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej, sal-2027 se nkomplu ntejbu aktar toroq rurali bil-għan li l-bdiewa u r-raħħala jkollhom infrastruttura aħjar u nkomplu nsebbħu żoni bħal dawn li jikkumplimentaw mas-sbuħija tal-art agrikola,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Is-Sindku Marija Sara Vella Gafà qalet li, permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kunsill Lokali seta’ jagħti aċċessibbiltà aħjar lill-bdiewa kif ukoll lir-residenti Gudjani u tal-madwar biex iżuru dan il-pajsaġġ naturali. Hija qalet li, permezz tal-istess fond, il-Kunsill ibbenefika wkoll biex isiru aktar toroq, li huma Sqaq il-Loġġa u Triq tal-Għoljiet.