Il-bdiewa u r-raħħala lokali ngħaqdu ma’ diversi pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea biex jipprotestaw kontra d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, li qed jolqtu ħażin lis-settur agrikolu.
Fi protesta paċifika, il-bdiewa u r-raħħala ħarġu bil-vetturi u l-inġenji tagħhom fejn iltaqgħu f’Ta’ Qali u saqu wara xulxin sal-Furjana. Il-messaġġ ewlieni fil-protesta kien li l-Unjoni Ewropea qed toqtol lill-bdiewa tagħha.
ONE News tkellem ma’ Malcolm Borg, Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, li sostna kif din hi ġurnata storika għall-bdiewa f’pajjiżna li kienu qed jipprotestaw kontra d-direttivi minn Brussell.
“L-Unjoni Ewropea qed tpoġġi lill-bdiewa u r-raħħala f’rokna li kważi ma jistgħux joħorġu minnha. Id-direttivi u r-regolamenti preżenti u dawk ippjanati qegħdin kważi jagħmluha impossibbli li bidwi jew raħħal jaqla’ l-għajxien tiegħu. Jiġifieri nistgħu nitkellmu fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea, pereżempju, tiffirma ħafna ftehimiet ma’ pajjiżi minn barra l-Ewropa biex jidħlu prodotti, jikkompetu mal-prodotti Maltin, il-bdiewa u raħħala Maltin. Imma dawn il-pajjiżi m’għandhomx ir-regolamenti li għandhom il-bdiewa Maltin u Ewropej. Hi inġusta u mhux qed nilagħbu fuq l-istess playing field.”
Din il-protesta saret, partikolarment, minħabba l-pjan tal-Unjoni Ewropea msejjaħ Green Deal, li fost l-oħrajn jolqot lill-bdiewa hekk kif iridu jnaqqsu l-fertiliser u anki l-bexx fil-ħidma tagħhom.
Dan minbarra li l-Unjoni Ewropea qed tinċentiva lill-bdiewa biex iħallu r-raba vojt.
“Il-pjanijiet futuri huma li l-bdiewa jonqsilhom l-ammont ta’ għodda, jiġifieri fertilisers, eċċ, li jistgħu jużaw. Jiġifieri għandha pjani l-Unjoni Ewropea li tnaqqas il-fertilisers li jużaw il-bdiewa u tkompli tagħmilha diffiċli lill-bdiewa u r-raħħala. Ikunu kompettitivi u jikkompetu bil-prodotti tagħhom max-xogħol li dieħel minn barra, kemm mill-Ewropa kif ukoll minn pajjiż minn barra l-Ewropa.”
Din il-protesta qed issir fi żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, wara d-daqqa tal-pandemija u sussegwentement il-Gwerra fl-Ukrajna, fejn, kif spjega Borg, il-bdiewa qed isibu l-koperazzjoni min-naħa tal-Gvern.
“Jiġifieri l-Gvern jikkopera ħafna magħna u mal-għaqdiet ta’ bdiewa oħrajn biex nipprovaw insibu soluzzjonijiet biex dawn il-problemi u dawn l-isfidi, kemm jista’ jkun negħlbuhom flimkien mal-bdiewa u mar-raħħala. Ħafna drabi l-Gvern ikollu idejh marbutin. Jiġifieri jkun hemm regolamenti Ewropej li ma jkun jista’ jagħmel xejn fuqhom u allura jkun daharu mal-ħajt hu wkoll.”
Qabel telaq is-serbut ta’ inġenji tal-bdiewa lejn il-Furjana, tkellimna, fost oħrajn, ma’ bidwi li spjega s-sitwazzjoni tagħhom fil-konfront tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
“Dawn ħa jolqtuna ħażin, għax lilna dejjem jipprovaw jissikkawna kif għandna naħdmu, li sa ċertu punt hu tajjeb, sakemm il-kompetizzjoni tkun fair. Aħna lesti li nikkoperaw li naħdmu, però m’aħniex lesti li jidħlu prodotti minn tal-pajjiżi terzi fl-Ewropa, b’użu ta’ pestiċidji, li aħna bħala bdiewa ilna għal ħafna snin ma nużawhomx u hekk għandu jkun ma jużawhomx.”
Il-bdiewa Maltin ingħaqdu ma’ bosta pajjiżi Ewropej, li fl-aħħar ġimgħat u jiem, ħarġu jipprotestaw, inkluż fil-Ġermanja, Franza, l-Olanda u anke fil-Belġju fejn huma kkonċentrati l-istituzzjonijiet Ewropej.