L-andament fil-Pitkalija t-Tnejn filgħodu kien wieħed kajman u normali bil-bdiewa biegħu l-prodotti tagħhom kollha.
Dan minkejja li l-pitkala ma daħlux għax-xogħol wara kwistjoni li qamet bejn l-Assoċċjazzjoni tal-Pitkala u l-Koperattiva tal-Bdiewa.
Fil-fatt kienu bosta kmamar tal-aħbarijiet li rrappurtaw li mil-lum kien mistenni kaos fil-Pitkalija.
Madankollu żewġt ibdiewa mill-Għaqda Bdiewa Attivi xejnu dawn ir-rapporti hekk kif spjegaw l-andament fil-Pitkalija sbieħ it-Tnejn.
“Ifhem kien hemm rispons qawwi ħafna. Inbiegħ kollox u kulħadd biegħ bil-prezz kif deherlu hu, l-importanti li ma intrema’ xejn u li l-konsumatur inqeda minn kollox. L-andament mexa tajjeb ma kienx hemm l-ebda kaos, dik importanti għalina, ħdimna seren.”
Is-Sur Marjan Cini mill-Għaqda Bdiewa Attivi faħħar ukoll il-ħidma tal-Gvern partikolarment mill-uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura li għenu jmexxu din is-sitwazzjoni.
“Nirringrazzjaw il-ħidma tal-Ministeru li l-bidwi ma bgħata l-ebda danni fuq il-prodott tiegħu u lill-Ministru u l-Permanent Secretary li kienu hemmhekk preżenti mis-sagħtejn ta’ filgħodu u nisperaw li s-sitwazzjoni titranġa mill-aktar fis possibli għal kulħadd.”
Min-naħa tiegħu Clyde Camilleri appella mal-bdiewa sabiex ma jarmux il-prodotti tagħhom.
Dan filwaqt li saħaq sabiex ix-xerrejja jagħżlu prodott bnin Malti.
“L-importanti li nfakkru lill-bdiewa biex dejjem bħalma konnha nibqgħu niġbdu ħabel wieħed. Infakkar lill-vendituri li l-prodott Malti se jibqa’ available u kif ukoll lill-konsumatur biex jagħżel prodott lokali.”
B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp pożittiv fil-Pitkalija, ONE News tkellem ukoll mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura Sharlo Camilleri.
Spjega li f’każ tal-ebda żblokk mal-pitkala dan l-istess proċess jerġa’ jiġi adottat nhar il-Ħamis li ġej.
“Sakemm ma jkunx hemm qbil mal-Assoċċjazzjoni tal-Pitkala il-proċess jerġa’ jirrepeti ruħu nhar il-Ħamis kif propju sar illum.”
Intant l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala ħadet azzjonjiet kontra l-bdiewa fid-dawl tat-talba tagħha biex tneħħi l-garanzija bankarja imposta fuq kull tiġdid ta’ liċenzja.
Din kienet iddaħħlet fl-2014 bħala mezz ta’ sigurtà sabiex kull ħlas dovut mill-pitkala lill-bdiewa jkun onorat.