L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iskavar, it-Twaqqigħ u r-Riċiklaġġ, il-MEDRA, tellgħu laqgħa informattiva għall-operaturi tad-demolizzjoni u l-iskavar.
Din il-laqgħa, li għaliha attendew aktar minn sittin persuna, kienet indirizzata fost l-oħrajn, mill-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perti Roderick Bonnici li tkellem dwar l-importanza li jinġibed ħabel wieħed fis-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li ħeġġeġ biex l-operaturi jgħaddu kull proposta li jkollhom lill-Awtorità.
Intant, Martin Farrugia mill-BCA tella’ preżentazzjoni infromattiva rigward għadd ta’ regoli u liġijiet relatati mal-industrija, għall-benefiċċju tal-opertaturi preżenti. Huwa spjega wkoll kif ir-regolamenti huma intenzjonati li jillimitaw il-ħsarat ambjentali waqt ix-xogħlijiet filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun id-dannu għall-pubbliku.
Fl-aħħar kien hemm ukoll ħin allokat għall-mistoqsijiet li kellhom l-operaturi preżenti dwar temi varji relatati mal-kostruzzjoni.