B’rabta mal-inċident tal-20 ta’ April fejn fih tilef ħajtu Albaniż ta’ 51 sena wara li ġġarraf saqaf ta’ binja f’Tas-Sliema l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fi stqarrija sostniet kif irriżulta li fuq is-sit inkwistjoni m’hemmx applikazzjonijiet approvati jew pendenti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u għaldaqstant ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet.
Lanqas ma kien hemm rapporti li daħlu lill-Awtorità qabel l-inċident inkwistjoni.
Spjegat ukoll kif riżultat tal-inċident, immedjatament inħatret inkjesta maġisterjali u mill-ewwel riżultati, jidher li l-istruttura tal-fond tinsab f’qagħda perikoluża u dan jista’ jkollu wkoll impatt fuq il-fondijiet ta’ terzi, kif ukoll dawk li jridu jaċċessaw il-binja biex iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji.
Għaldaqstant l-Awtorità sostniet li għamlet talba lil Maġistrat Inkwerenti sabiex tkun awtorizzata taċċessa s-sit biex issir l-valutazzjoni neċessarja u twettaq ix-xogħol kollu neċessarju sabiex jitneħħa l-periklu fl-interess tat-terzi u l-pubbliku inġenerali.
Din it-talba fil-fatt, ġiet milqugħa.
Għal dan il-għan l-Awtorità ser tkun qed tingaġġa Perit, Kuntrattur, Site Technical Officer, Bennej Liċenzjat u Health and Safety officer biex fil-preżenza u taħt is-sorveljanza tal-espert tekniku maħtur fl-inkjesta twettaq dan l-inkarigu.