L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA sostniet li hi sorpriża li fl-istess jum li l-Kamra tal-Periti qalet li ma tistax tattendi għal laqgħa mal-Awtorità, ħarġet direttiva ta’ bojkott għall-mili ta’ formoli rikjesti mingħand Periti bħala parti minn bidla f’pakkett ta’ riformi li l-Gvern impenja ruħu li jwettaq bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Il-formoli jobbligaw il-periti u l-kuntratturi jinfurmaw l-Awtorità liema huma l-proprjetajiet ta’ terzi li se jkunu impattati minn żvilupp u skavar u għandhom jiddikjaraw x’tkopri l-polza t’assigurazzjoni ordnata.
Il-BCA qalet li hi tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet anki mal-Kamra tal-Periti f’laqgħat li huma diġà skedati u sostniet li l-bidliet introdotti jipproteġu l-interessi ta’ persuni terzi.
Fost bidliet oħra introdotti hemm dik li ħarġet sejħa għal Avukati u Periti biex jagħtu servizz imħallas mill-Gvern lin-nies biex jassistuhom f’ilmenti dwar xogħol irregolari tal-kostruzzjoni.