Il-BBC u Netflix ikkummissjonaw lill-kumpanija World Productions biex tagħmel serje reali bl-isem ta’ ‘Lockerbie’, ibbażata fuq l-avvenimenti li wasslu għall-isplużjoni abbord l-ajruplan tal-Pan Am fil-21 ta’ Diċembru tal-1988.
L-ajruplan tal-passiġġieri, li kien telaq minn Heathrow fi triqtu għall-Ajruport JFK fi New York, sploda fuq il-villaġġ ta’ Lockerbie, fl-Iskozja, u b’kollox inqatlu 270 persuna fil-maġġoranza Amerikani u Ingliżi. Ħdax minnhom kienu vittmi fl-istess villaġġ fejn iġġarraf l-ajruplan.
Fl-investigazzjonijiet, li kienu saru minn uffiċjali Amerikani, Ingliżi u Ġermaniżi, ġew interrogati mal-ħmistax-il elf persuna minn tletin pajjiż differenti, fosthom Malta.
Kien ġie konkluż li l-bomba kienet itellgħet fuq ajruplan tal-Air Malta fuq titjira lejn Frankfurt, il-Ġermanja, minn fejn imbagħad qabdet titjira oħra għall-kapitali Ingliża.
Kien ingħad li l-bomba kienet tgeżwret fi ħwejjeġ li nxtraw minn ħanut f’Tas-Sliema, proprjetà ta’ Tony Gauci, li wkoll spiċċa xhud ewlieni fil-każ. Gauci miet fl-2016.
Fl-1988 il-każ kien deskritt bħala l-agħar attakk terroristiku tal-ajru li qatt seħħ.
F’Mejju tal-2000 kien beda l-ġuri tal-Libjani Abdelbaset al-Megrahi u Lamin Khalifah Fhimah. Waqt li tal-ewwel kien ikkundannat 27 sena ħabs, Fhimah inħeles
mill-akkużi.
Fl-2020 l-awtoritajiet Amerikani akkużaw lil Libjan ieħor, Abu Agila Mohammad Mas’ud Kheir Al-Marimi, għal sehem fl-attakk, u f’Diċembru li għadda r-raġel ta’ 71 sena kien ittieħed fil-kustodja tal-Amerikani fejn beda għaddej ġuri.
Il-produzzjoni l-ġdida għat-televiżjoni minn Netflix u l-BBC se tkun ibbażata fuq l-investigazzjonijiet, waqt li testendi sal-aħħar kundanna fil-qorti fi tmiem l-2022.
Il-produzzjoni, miktuba minn Jonathan Lee u Gillian Roger Park, se tkun qed tinġibed aktar tard din is-sena fl-Iskozja, Toronto u f’pajjiżna wkoll.