Il-poplu tar-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Wara li l-Ħamis filgħaxija kollox kien qed jindika li dawk li xtaqu jibqgħu seta’ deher li kellhom vantaġġ, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, meta bdew jingħaddu l-voti, il-folja nqalbet u r-riżultat huwa dak li jidher hawn taħt.
7.27: Ir-riżultat issa huwa uffiċjali. L-Ingilterra tiddeċiedi li ma tibqax membru tal-Unjoni Ewropea. 48.2% jivvotaw favur REMAIN filwaqt li 51.8% jivvotaw LEAVE. B’kollox ivvotaw 32,926,299 persuna li huwa perċentaġġ għoli ta’ votanti li jilħaq il-72.1%. Dan ifisser li r-Renju Unit iddeċieda li jagħmel BREXIT.
06:45: Fuq is-sit soċjali Facebook, Nigel Farage jgħid ‘We got our country back. Thank you’
06:43: L-Edituri tal-gazzetti kellhom jibdlu l-faċċati tal-gazzetti matul il-lejl dan wara li t-tbassir inbidel minn wieħed ta’ REMAIN għal wieħed LEAVE.
06:38: Sorsi jgħidu li Boris u Gove qed jinnegozjaw biex jirriżenja l-Prim Ministru David Cameron.
06.37: Lord Ashdown li kien Kap tad-demokratiċi u liberali, fil-kummenti tiegħu lill-BBC qal: “God help our country”
06.22: Il-ġurnalisti qiegħdin jinġabru f’Downing Street biex jieħdu l-kummenti tal-Prim Ministru David Cameron. Huwa mistenni li jasal għal ħabta ta’ 9.00a.m (ħin ta’Malta) iżda l-BBC qed tbassar li l-Prim Ministru jagħti l-kummenti tiegħu lill-midja aktar kmieni.
06.17: Nagħtu ħarsa lejn aktar riżultati:
Bromley, London, ivvotaw favur REMAIN
East Northamptonshire ivvotaw favur LEAVE
Babergh, Suffolk, ivvotaw favur LEAVE
Blaby, Leceistershire, ivvotaw favur LEAVE
Ashfield, Nottinghamshire, ivvotaw favur LEAVE
Kingston upon Thames, London, ivvotaw favur REMAIN
Windsor & Maidenhead Royal ivvotaw favur REMAIN
06.15: L-Irlanda ta’ Fuq tivvota favur REMAIN b’55.7% jivvotaw favur li Renju Unit jibqa membru tal- Unjoni Ewropea filwaqt li 44.3% jivvotaw favur BREXIT.
06.07: Boris Johnson, l-ikbar rebbieħ ta’ din il-kampanja, qal li se jistenna l-Prim Ministru David Cameron qabel jikkummenta. Johnson ikkampanja favur li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li Cameron ivvota favur.
05.41: Il-BBC ddikjara li jidher biċ-ċar li d-deċiżjoni tal-1975 li r-Renju Unit jidħol fl-Unjoni Ewropea kienet imħassra b’dan ir-referendum. Kollox jindika li l-poplu tar-Renju Unit iddeċieda li joħroġ il-barra mill-Unjoni Ewropea.
05.34: Tal-LE baqggħu quddiem u saħansitra kabbru l-vantaġġ. Ir-ritratt ta’ hawn taħt minn post fejn jinsabu miġbura dawk favur jitkellem waħdu. Baqa’ jkunu ddikjarati 79 kostitwenza u l-LE għandu vantaġġ ta’ madwar 700,000 vot.
05.02: Fl-aħħar mumenti kkummenta Nigel Farage, figura ċentrali fil-kampanja tal-LE u qal li jekk ir-riżultati jibqgħu hekk se jkun hemm Renju Unit indipendenti u din tkun rebħa għall-persuni diċenti. “Iġġiliedna kontra l-gideb u l-korruzzjoni u jidher li se tirbaħ id-diċenza,” qal Farage għaċ-ċapċip tal-partitarji tal-LE.
“It-23 ta’ Ġunju se titniżżel fl-istorja bħala l-ġurnata tal-Indipendenza,” qal Farage.
05.00: B’iktar kostitwenzi dikjarati dawk li jridu jitilqu mill-Unjoni Ewropea għadhom fuq quddiem. B’231 kostitwenza ddikjarata dan huwa r-riżultat.
04.44: B’208 kostitwenza ddikjarati, il-kampana tal-Le għandha madwar 52% tal-vot u dawk li jridu jibqgħu fl-Unjoni Ewropea 48% tal-vot. Dawk li jridu jitilqu mill-Unoni Ewropea għandhom vantaġġ ta’ madwar nofs miljun vot.
04.:00: Ir-Renju Unit huwa maqsum min-nofs u wara li kienu ddikjarati r-riżultati f’144 kostitwenza għandhom vantaġġ dawk li jridu joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Sa issa 50.9% tal-voti marru għand dawk li jridu joħorġu, u 49.1% għand dawk li jridu jibqgħu fl-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li b’iktar minn 10,500,000 tal-voti ddikjarati fejn marru, qegħdin ikunu pruvati bħala mhux koretti l-istarriġ tal-bieraħ filgħaxija li taw vantaġġ komdu lil dawk li jridu jibqgħu.
Fi programmi ta’ analiżi fir-Renju Unit, li ilhom għaddejin lejl sħiħ, ħadd għadu m’azzarda jgħid fejn sejjer ir-riżultat bl-uniku dikjarazzjoni li kulħadd ħassu komdu jagħmel hija dik li r-Renju Unit huwa maqsum minn nofs u li din hija xi ħaġa li wieħed għandu jieħu nota tagħha bl-ikbar serjetà.
Erba’ sigħat oħra l-ogħla uffiċjali tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiltaqgħu fi Brussell u wieħed jistenna li sa dak il-ħin ikun hemm riżultati uffiċjali. F’pajjiżna l-Kabinett tal-Ministru huwa mistenni jiltaqa’ fl-għaxra f’Kastilja.