Is-sit internazzjonali tal-BBC faħħar il-qabża sinifikanti, li għamel pajjiżna fejn jidħlu d-drittijiet ċivili. F’artiklu, bit-titlu “Malta: The tiny European island of tolerance”, ingħatat ħarsa lejn kif pajjiżna għamel qabża liberali sinifikanti ’l quddiem biex sar fost l-aktar fid-dinja li jilqgħu fi ħdanhom lill-komunità LGBTIQ+.
Dan wassal biex, għal dawn l-aħħar tmin snin konsekuttivi, Malta ġiet ikklassifikata fil-quċċata tal-indiċi internazzjonali ta’ ILGA-Europe.
L-artiklu ta ħarsa lejn l-istorja tal-komunità fostna sa mis-snin disgħin u enfasizza, b’mod partikolari, il-qabża li Malta għamlet f’dan il-qasam mill-2014 ’il hawn mindu ddaħħal l-ewwel l-Unjoni Ċivili.
Jingħad kif, wara li fl-2004 l-Malta Gay Rights Movement organizzat l-ewwel Pride March f’pajjiżna, fid-diċenju ta’ wara d-drittijiet fil-qasam ċivili bdew jingħataw spinta ’l quddiem.
Minbarra d-dħul tad-dritt taż-żwieġ indaqs tfakkar kif mill-2016 pajjiżna għamel it-terapija ta’ konverżjoni illegali, waqt li ġie introdott ukoll id-dritt għaż-żwieġ indaqs.
Hawn tfakkar ukoll is-suċċess li, minn ftit għexieren li kienu attendew fl-ewwel Pride Marches li ttellgħu f’pajjiżna, is-sena l-oħra Malta ospitat għall-ewwel darba l-Euro Pride, l-akbar dimostrazzjoni Ewropea, fejn attendew mat-tmienja u tletin elf persuna.
Aqra l-artiklu tal-BBC: https://www.bbc.com/travel/article/20240130-malta-the-tiny-european-island-of-tolerance